It-Tlieta filgħodu il-fekruna bl-isem ta’ Shelly, li ġiet salvata fil-bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena, sabet ruha mill-ġdid fl-ambjent naturali taghha. Dan wara li kienet instabet miksija bil-ħmieġ u plastik mormi fil-baħar… u kaġun ta’ dan, ġarbet ferita f’waħda mis-saqajn tan-naħa tal-lemin.
Il-fekruna kienet tpoġġiet f’tagħmir apposta sabiex tiġi ikkurata bl-aħjar mod possibli, għaliex li kieku tħalliet fil-baħar kienet tispicca mikulha mil-ħut jew tmut minħabba xi infezzjoni.
Fl-istess avveniment li seħħ it-Tlieta filgħodu fil-Ġnejna, Nature Trust Malta ħabret li permezz tal-Kummissarju Għoli Ingliz, din l-għaqda ambjentali ingħatat 3 ITU Chambers li ser ikunu qegħdin jiġu uzati għal dawk il-fkieren li jinsabu midruba fil-baħar, kawża tal-skart li jiġi mormi bl-addoċċ.
Mingħajr l-għajnuna addizzjonali ta’ għadd ta’ volontieri ta’ Nature Trust Malta u ħafna familji li jaddottaw fkieren bħal Shelly, ir-riabilitazzjoni ta’ dawn il-fkieren ma tistax tkun possibli.
Net News tkellem ukoll mal-Assistant Kap tal-skola Primarja taz-Zejtun fejn permezz ta’ diversi inizjattivi li ġew organizzati mill-skola stess, inġabret somma sabiħa li biha se tkun qed tgħin fil-proċess tar-riabilitazzjoni ta’ aktar fkieren.
Il-President ta’ Nature Trust Malta appella lill-pubbliku biex jagħmel il-parti tiegħu u jgħin biex jitnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-baħar speċjalment il-plastik.
//= $special ?>