Internazzjonali

Il-Papa fil-Kanada: Tema ta’ apoloġija kontinwa għat-trattament tan-nies indiġeni

Iż-żjara (bħalissa) tal-Papa Franġisku fil-Kanada qed tibbaża l-aktar fuq ‘att ta’ indiema’ u meta l-Kap tal-Kattoliċi mhux jitlef opportunità waħda biex jitlob apoloġija għal kif l-iskejjel tal-Knisja, snin ilu, eliminaw il-kultura tat-tfal indiġeni li spiċċaw jiddependu kompletament fuq l-awtoritajiet ta’ dawn l-iskejjel.

Dawn it-tfal, għexieren ta’ snin ilu, kienu ttieħdu lil familthom u spiċċaw daqslikieku ‘priġunieri tas-sistema tal-iskejjel tal-Knisja’. Huma tul is-snin batew diversi tipi ta’ abbuż taħt idejn il-kapijiet u nies oħrajn responsabbli minn dawn  l-iskejjel u l-Papa, issa, esprima d-dispjaċir tiegħu għall-inġustizzji kollha tal-passat mingħajr ma qgħad idur mal-lewża.

Il-Vatikan, kultant, jidher li jsibha diffiċli biex iwassal l-apoloġiji formali għall-inġustizzji fil-konfront ta’ diversi komunitajiet tul is-snin. Dan meta għad fadal il-familji li qed jistennew apoloġija sħiħa għan-nuqqasijiet tal-Papa Piju Tnax u l-Knisja waqt il-kampanja ta’ orrur li n-Nazisti mexxew fuq il-Lhud matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Madankollu, il-Papa, issa, qed jitlob ċar u tond għal ‘maħfra’ – bl-impatt ta’ dan l-att tal-indiema qed jinħass ħafna fost in-nies li, fil-passat, batew l-abbużi u inġustizzji taħt idejn xi membri tal-Knisja.

Fl-istess ħin, il-wegħda tal-Papa biex iġiegħel lill-Kattoliċi jappoġġjaw lill-popli indiġeni tal-Kanada qed titqies bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. Dan għandu jwassal għal ħlas ta’ kumpens lill-vittmi tal-abbuż taħt idejn l-uffiċjali tal-Knisja flimkien ma’ impenji oħra li jirrikonoxxu dak li għaddew minnu l-istess popli indiġeni.