Nhar id-29 ta’ Lulju 2021, tliet Imħallfin lestew ir-Rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma ppreżentaw ir-rapport lill-Prim Ministru dakinhar stess u dan ġie ppubblikat. Dan ir-Rapport kien fih numru kbir ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom dwar bidliet importanti fil-Liġijiet ta’ pajjiżna.
Wara kważi sitt xhur, il-Gvern kien għadu ma ħa l-ebda inizjattiva biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika. Għalhekk, dak iż-żmien, l-Oppożizzjoni ppreżentat Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu jiġu implimentati r-rakkomdazzjonijet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dak l-Abbozz ta’ Liġi kien ġie diskuss fil-Parlament waqt is-seduta li kull tliet xhur tkun allokata għall-ħidma tal-Oppożizzjoni, nhar is-27 ta’ Jannar 2022. Il-membri kollha tal-Oppożizzjoni vvotaw favur dak l-Abbozz ta’ Liġi. Il-Prim Ministru u l-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Laburista vvotaw kontra dak l-Abbozz ta’ Liġi u għalhekk m’għaddiex mill-Parlament.
Dakinhar, Robert Abela kien ħareġ bi skuża waħda wara oħra biex dan l-Abbozz ta’ Liġi l-ewwel ma jkunx diskuss fil-Parlament umbagħad biex hu u sħabu jitkellmu u jivvotaw kontra tiegħu.
Issa għaddew sitt xhur minn dakinhar tal-vot fil-Parlament u għaddiet sena minn meta t-tliet Imħallfin lestew ir-Rapport tal-Inkjesta Pubblika. Sal-lum, wara sena, Robert Abela u l-Gvern Laburista baqgħu ma għamlu xejn dwar l-Inkjesta Pubblika. Robert Abela qed jipprova jaħbi din l-Inkjesta Pubblika. Robert Abela ma jrid jagħmel xejn dwar l-Inkjesta Pubblika. Robert Abela jrid inessi lill-poplu Malti u Għawdxi li sena ilu tliet Imħallfin sabu lilu, lil Joseph Muscat u lill-Gvern Laburista ħatja li ħolqu kultura u ambjent ta’ impunità, li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jinsa u mhux se jħalli lil min inessi u jaħbi lill-poplu Malti u Għawdxi. Jemmen li għandu d-dmir li jiżgura li dak li rrakomandaw it-tliet Imħallfin jidħol fis-seħħ illum qabel għada.
Għaldaqstant, aktar tard illum, l-Oppożizzjoni se tippreżenta mill-ġdid dan l-Abbozz ta’ Liġi biex ikun diskuss mill-Parlament mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tistenna li dan l-Abbozz ta’ Liġi jkun diskuss l-ewwel Ħamis wara li jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament.
B’dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li:
1. Fil-Kostituzzjoni jkunu elenkati d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni.
2. Fil-Kostituzzjoni jkunu elenkati d-dmirijiet ta’ Gvern interim, jiġifieri Gvern caretaker.
3. Fil-Kodiċi Kriminali jiżdied ir-reat ta’ intraċċ tal-Ġustizzja.
4. Ikunu introdotti reati ġodda meta Uffiċjal Pubbliku inkarigat bl-Infurzar tal-Liġi b’mod doluż jonqos minn dmiru.
5. Fil-Kodiċi Kriminali jiżdiedu reati ġodda ta’ użu illegali ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali minn Uffiċjali Pubbliċi u impjegati.
6. Ikun introdott reat ġdid dwar il-kriminalità organizzata billi jipprovdi għall-assoċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża.
7. L-Att dwar il-Money Laundering jinbidel biex jipprovdi għall-ħruġ ta’ Unexplained Wealth Orders.
8. Fil-Kodiċi Kriminali jiżdied ir-reat ta’ min jabbuża mill-awtorità tal-Uffiċċju tiegħu.
9. Fil-Kostituzzjoni jiżdiedu għodda aħjar għall-Pulizija fl-investigazzjoni ta’ delitti gravi, fosthom li f’każi ta’ reati gravi bħal terroriżmu, omiċidju, ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga, il-perjodu massimu ta’ 48 siegħa arrest jista’ jiġġedded darba biss sa 72 siegha jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jġib l-awtorizzazzjoni tal-Magistrat Inkwirenti.
10. Il-Kostituzzjoni tibda tipprovdi l-ogħla protezzjoni possibbli għad-dritt tal-ġurnaliżmu ħieles, indipendenti u imparzjali bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tas-Saltna tad-Dritt.
11. Fl-Att dwar il-Media u l-Malafama tiżdied protezzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP suits).