Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Pazjenti se jkollhom imorru Ruma għar-Radjoterapija; għadhom ma jafux f’liema sptar

AĠĠORNATA BID-DETTALJI DWAR PERSUNI LI SE JSIEFRU L-ERBGĦA

Numru ta’ pazjenti kellhom isiefru lejn Ruma sabiex ikomplu bit-trattament tagħhom kontra l-kanċer wara li lbieraħ waqfu jaħdmu l-magni tar-Radjoterapija li hemm fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija f’Mater Dei.

Net News jista’ jikkonferma li hemm numru ta’ każi li diġa’ ġew riferuti għal sptar f’Ruma sabiex ikomplu b’dan it-trattament tant importanti. Għalkemm dan fil-verità jfisser inkonvenjent enormi fuq dawn il-pazjent.

Issa, jirriżulta li anke dawk li ġew riferuti għal Ruma għadhom fil-għama, tant li ma jafux f’liema sptar jew ċentru se jkunu qed jingħataw ir-radjoterapija.

Il-Ministeru għadu fil-muta

Kien propju dan is-sit illi lbieraħ żvela din is-sitwazzjoni xejn sabiħa li żviluppat fid-Dipartiment tar-Radiotherapy, fejn is-sistema krollat kompletament. Dan wara li waqfu tliet magni.

Ilbieraħ stess, il-pazjenti ġew mibgħuta lura d-dar, u li t-tmexxija taċ-Ċentru tal-Onkoloġija qed tagħmel minn kollox biex issolvi din il-problema.

S’issa għadu mhux magħruf meta dawn il-magni se jkunu lura għan-normal.

Il-Ministeru ta’ Chris Fearne minn naħa tiegħu qal illi waqqaf bord ta’ inkjesta interna sabiex jistabbilixxi x’wassal għal dawn il-ħsarat, fid-dawl li din hija l-ewwel darba li seħħet ħsara teknika simili.

Il-Ministeru għas-Saħħa skuża ruħu għal kull inkonvenjent maħluq f’dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt illi qal li se jikkommetti ruħu li jsiru l-arranġamenti kollha neċessarji – liema arranġamenti essenzjalment ifissru li l-persuni li qed jieħdu kura għall-kanċer se jkollhom jittieħdu Ruma għar-Radjoterapija.

Il-Ministeru fl-ebda ħin ma ta indikazzjoni dwar meta ċ-Ċentru tal-Onkoloġija se jerġa’ jibda jiffunzjona.