Il-kontinġent Malti beda l-impenji tiegħu fil-European Youth Olympic Festival – EYOF f’Banska Bystrica, is-Slovakkja it-Tnejn wara nofsinhar. Matthew Galea Soler ikkompeta fl-ewwel heat tat-tellieqa ta’ kwalifikazzjoni tal-400 metru mirbuħa minn Mamu Noam tal-Iżrael fi 48.62 sekondi qabel Jiby Tessier ta’ Franza b’49.25 sekondi. Galea Soler temm fit-tielet post u l-ħin tiegħu ta’ 49:29 sekondi kien biżżejjed biex jikkwalifika għal finali li għandha ssir nhar il-Ħamis 28 ta’ Lulju fit-tmienja ta’ filgħaxija. Fit-tellieqa tat-800 metru , f’Heat numru 1, Mireya Bugeja spiċċat fit-tmien post minn disa’ atleti f’ 2 minuti :26.56 sekondi.
Il-heat intrebħet minn Olivia Bulczew tal-Polonja f’2 minuti 12.27 sekondi L-impenji tal-ġinnastika mistennija jibdew illum meta Philippa Busuttil tidħol fl-azzjoni.
Il-kontinġent Malti huwa magħmul mill-uffiċjali Nataliya Berehova (Ġinnastika) u Xandru Grech (Atletika) u mmexxija minn Chef de Mission u Direttur tal-Media tal-Kumitat Olimpiku Malti Maria Vella-Galea.
