Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Il-Ministri għall-Enerġija jaqblu biex pajjiżhom inaqqsu l-użu tal-gass f’każ li r-Russja twaqqfilhom il-provvista

L-Unjoni Ewropea kkonfermat pass sinifikanti biex taċċerta mis-sigurtà tal-enerġija – bl-Istati membri, issa, jilħqu ftehim politiku dwar tnaqqis volontarju fid-domanda għall-gass naturali għal matul ix-xitwa.

It-tnaqqis hu ekwivalenti għal 15 fil-mija; bil-Ministri Ewropej responsabbli mill-Enerġija jaqblu dwar dan il-pass f’każ li r-Russja tiddeċiedi biex taqta’ il-provvisti lejn l-Ewropa.

Dan meta Moska qed tkun akkużata – bħal fil-każ tal-provvista tal-qmuħ – b’li qed tuża r-riżorsi tal-gass bħala ‘arma tal-gwerra’ u biex tirrikatta lill-Ewropa minħabba l-aħħar sanzjonijiet imposti fuq il-Gvern tal-President Russu Vladimir Putin.

It-tnaqqis volontarju fl-użu tal-gass mill-pajjiżi tal-Unjoni se jkun effettiv mix-xahar id-dieħel sa Marzu. Iżda waqt li l-ftehim ma kienx jinvolvi xi ‘Missjoni Impossibbli’ għall-pajjiżi jidher ukoll li xi Stati Ewropej xorta għandhom ifittxu l-eżenzjonijiet f’din is-sitwazzjoni.

Il-UE qalet li t-tnaqqis volontarju fl-użu tal-gass mill-Istati membri qed jaħseb fit-tisħiħ tar-riservi tal-enerġija għax-xitwa. Miżura li ftit jew wisq tpatti għal xi politika arbitarja mir-Russja biex ma tissupplixxix il-gass lejn l-Ewropa.

Dan ukoll, sadanittant, għandu jevita biex is-sigurtà tal-enerġija għall-Ewropa tispiċċa fi kriżi matul ix-xhur li ġejjin.

Fl-istess ħin, xi pajjiżi li humiex konnessi mal-pipelines tal-gass ta’ Stati membri oħrajn tal-UE se jkunu eżenti mid-direttiva għat-tnaqqis fl-użu tar-riżors minħabba li ma jkunux jistgħu isibu sorsi oħrajn jew xi provvisti alternattivi.

L-Istati li humiex parti mis-sistema tal-elettriku fuq livell Ewropew u li qed jiddependu ħafna fuq il-gass għall-produzzjoni tal-elettriku huma wkoll eżenti mid-direttivi bil-għan li huma jevitaw kriżi tad-dawl.

Dan waqt li ‘il quddiem jista’ ikun hemm xi pajjiżi fl-Ewropa ‘li jinterpretaw id-direttiva tal-UE skont l-esiġenzi tagħhom’ – bil-ftehim jintlaħaq wara li l-kumpannija tal-enerġija Russa ‘Gazprom’ ħabbret li, mill-ġdid, qed tnaqqas il-provvista tal-gass lejn il-Ġermanja waqt li qed isir ix-xogħol fuq turbina tal-pipeline bl-isem Nord Stream 1.

L-istess pipeline, li jissupplixxi lill-Ġermanja bil-gass li tipproduċi r-Russja, ilu żmien jiffunzjona b’anqas kapaċità mis-soltu u l-Ukrajna – li għadha għaddejja bil-battalji mal-qawwiet Russi fl-artijiet tagħha —  qed takkuża lil Moska b’li qed twettaq ‘gwerra bil-gass’ fil-konfront tal-Ewropa.

Intant, il-Gazprom qatgħet għal kollox il-provvisti tal-gass lejn il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Olanda u l-Polonja wara li dawn il-pajjiżi rrifjutaw li jirrispettaw l-insistenza ta’ Moska biex il-kontijiet tal-enerġija dovuti lir-Russja jitħallsu bir-rubli, minflok bid-dollari u l-ewro.

Ir-Russja, is-sena l-oħra, kienet issupplixxiet lill-Unjoni Ewropea b’40 fil-mija tal-provvisti tal-gass meħtieġa għal sena sħiħa. Sadanittant — u mindu ( fi Frar) daħlu l-ewwel truppi Russi fl-Ukrajna – il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ma waqfux mit-taħditiet biex jaraw kif jistgħu jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fossil fuels tar-Russja.