Lokali

Ħafna ddispjaċuti bit-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn surmast tal-Kulleġġ San Albert

Massa ta’ messaġġi mlew il-profil ta’ Facebook ta’ Maria Mallia t-Tlieta hekk kif inxterdet l-aħbar li kien tkeċċa mill-kariga tiegħu bħala surmast fil-kulleġġ San Albert fil-Belt Valletta.

Mallia kien ilu jmexxi dan il-kulleġġ 16-il sena u kien sar magħruf għall-mod inklussiv li kien imexxi dan il-kulleġġ.

“Ġentlom”, “raġel ta’ integrità’, “wieħed mill-aqwa edukaturi f’pajjiżna”, “raġel ta’ rispett u ħabib”. Dawn kienu biss uħud mill-aġġettivi li ntużaw minn dawk li kitbu messaġġi ta’ solidarjetà ma’ Mallia.

Persuni li ħadmu miegħu qalu li t-tmexxija u l-ethos ta’ inklussività tiegħu kienu dejjem ammirabbli.

“Id-dedikazzjoni tiegħu xi ħaġa ta’ barra minn hawn”.

Jidher li d-deċiżjoni tat-tneħħija ta’ Mallia kienet waħda meħuda mill-bord tal-kulleġġ fl-aħħar jiem.

Il-bord tal-kulleġġ mid-dehra kien qed isib oġġezzjoni għall-istrateġija li kien qed juża Mario Mallia biex jgħaqqad id-diversi komunitajiet li jeżistu f’San Albert.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu Mallia qal li l-kulleġġ kien qed jaħdem biex joħloq kultura sana li tilqa’ fiha reliġjonijiet u orjentazzjonijiet differenti permezz ta’ programm speċjalizzat. U l-bord deherlu li kellu jwaqqaf dan kollu.

Fost l-għalliema ta’ dan il-kulleġġ, il-ġenituri u l-istudenti nnifishom hemm sens ta’ rabja u diżappunt għal kif is-surmast tal-kulleġġ tneħħa mill-kariga tiegħu.

Mallia huwa wkoll id-Deputy Chairperson tal-ADPD u mhux eskluż li l-involviment tiegħu fil-politika kellha wkoll xi piż fuq id-deċiżjoni meħuda.