Lokali

“Minflok għamlu xogħolhom, daħlu flusna f’buthom” – PN

In-nuqqas tal-Gvern fid-deal tal-isptarijiet, issa qed isir kompliċità. U minflok għamlu xogħlhom …. dawn ħadu flusna u daħħluhom f’buthom.

Hekk sostna d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’reazzjoni għal dak li ġie żvelat mis-Sunday Times of Malta dwar il-miljuni tal-ewro mħallsa minn but il-poplu mingħand il-Gvern lil Vitals Global Healthcare – flejjes li uħud minnhom fl-istess ġurnata għaddew minnufih għand il-kumpanija Bluestone Investments.

Adrian Delia spjega li bil-liġi ma jistax ikun li l-flus mghoddija lil Vitals mingħand il-Gvern jgħaddu fl-istess jum għand ix-shareholders wara s-sena finanzjarja.

Adrian Delia fakkar li sal-aħħar tas-sena, qed jistenna żvolta deċiżiva fil-kawża l-Qorti li fetaħ huwa stess rigward dan id-deal skandaluż.

Dan filwaqt li d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia insista li hekk kif issa qed naraw quddiemna dan is-serq ta’ miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu ….lill-familji Maltin u Għawdxin il-Gvern qed jgħidilhom biex jissikkaw iċ-ċinturin.

Mhux hekk biss, iżda insista li minflok jara kif se jiġbor lura l-miljuni ta’ ewro li kontinwament qed jagħmel tajjeb għalihom il-poplu…Robert Abela qed idur fuq il-Ministri tiegħu u jitlobhom jaraw kif se jaqtgħu mitejn miljun ewro mill-Budget li wiegħed għal din is-sena

Id-deputat Nazzjonalista appella lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana sabiex jispjegaw immedjatament fejn marru dawn il-miljuni tal-ewro.