Raġel ta’ 64 sena u ibnu ta’ 39 sena, Diretturi ta’ kumpanija li tiġbor l-iskart ingħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja li użaw dokument falz biex japplikaw għal tender maħruġ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u jieħdu vantaġġ minnu. Il-missier Marius Muscat u ibnu Adrian kienu tressqu mill-Ispettur Anthony Scerri akkużati li f’April 2015, u fix-xhur ta’ qabel, li jiġġestixxu l-kumpanija Waste Collection Limited wettqu attentat ta’ frodi meta bagħbsu f’dokument. Fuq l-akkużi ta’ attentat ta’ frodi l-missier u ibnu ma nstabux ħatja.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kien ħareġ sejħa għall-offerti għall-ġbir tal-iskart bit-tender ikun għall-perjodu ta’ erba’ snin u li dan jammonta għal €335,296. Waqt laqgħa bejn is-Segretarja tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u dik ta’ Ħ’Attard, ta’ Ħ’Attard ġibditilha l-attenzjoni għaliex kienet ħarġet ittra biex tirrakkomanda lill-kumpanija meta hija kienet tilmenta mis-servizz tagħha.
Is-Segretarja tal-Kunsill ta’ Ħal Lija ċaħdet li kienet hi ħarġet dik l-ittra. Kien għalhekk sar rapport lill-Pulizija li bdiet tinvestiga l-każ li wasslet biex il-missier u ibnu jitressqu l-Qorti. Kien hemm separazzjoni tal-ġudizzju biex għalhekk il-proċess nstema’ b’mod separat. quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Fil-kumpilazzjoni is-Segretarju tal-Kunsill ta’ Ħal Lija baqgħet tikkontendi li ma ħarġet l-ebda ittra li tfaħħar lill-kumpanija tas-servizz tagħha. Espert tal-Qorti fuq il-firem qal li minkejja li l-firma fuq l-ittra kienet taqbel mal-firma tas-Segretarja tal-Kunsill ta’ Ħal Lija fil-verità kienet ‘scanned’ inkella trasferita fuq l-ittra u ma saritx bil-linka.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li minn dak li semgħet u wiżnet hija temmen il-verżjoni taż-żewġ segretarji eżekuttivi u ma temminx lid-Diretturi meta huma allegaw li ma rebħux it-tender minħabba fihom. Il-Qorti qalet li huwa ta’ tħassib kif Marius Muscat ipprova jimplika lis-Segretarju tal-Kunsill ta’ Ħ’Attard fuq ‘frame up’ fejn dan qal li dan kollu seħħ biex il-kumpanija ma tirbaħx it-tender.
Il-Maġistrat innutat ukoll li ma nġiebet ebda prova li saru xi atti biex il-kumpanija ma tirbaħx it-tender u sostniet ukoll li Adrian Muscat għamel akkużi kontra żewġ Segretarji meta kienu nnoċenti. Waqt li ż-żewġ direttur ma nstabux ħatja ta’ attentat ta’ frodi, l-Qorti sabithom ħatja li għamlu użu minn dokument falz u rrimarkat li dmirhom bħala diretturi kellu jkun li jaraw li dan ma jsirx.
Il-Maġistrat qalet ukol li kellha tkun taħdita informali u spontanja bejn iż-żewġ segretarji waqt laqgħa mhux pjanata li waslet biex inkixef dan il-qerq. Marius Muscat ġie kundannat 16-il xahar ħabs sospiżi għal 18-il xahar filwaqt li ibnu Adrian Muscat għal 22 xahar ħabs sospiżi għal sentejn.
//= $special ?>