Lokali Qorti

Ordni ta’ trażżin u probation għal kok li ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu

Raġel persistenti tpoġġa taħt ordni ta’ trażżin wara li ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu b’telefonati u billi mar id-dar tagħha, mingħajr ma kien mistieden. Il-kok ta’ 44 sena minn San Ġiljan tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Rachel Montebello it-Tlieta, akkużat b’fastidju, użu ħażin ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni, li weġġa’ ħafif lill-mara, li attakkaha, li nsulentaha u li kellu kliem ta’ theddid fil-konfront tagħha.

L-Ispettur tal-Pulizija Eman Hayman, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, spjega lill-Qorti li r-relazzjoni bejn l-akkużat u l-allegata vittma tkissret f’Ġunju wara dik li kienet deskritta bħala ġlieda żgħir. Il-kuntatt kien inqata’ miż-żewġ partijiet, iżda wara xahar, l-akkużat kien beda jagħmel “numru kbir ta’ telefonati lill-mara.

It-telefonati kienu baqgħu jippersistu anke wara li l-akkużat kien tkellem mill-pulizija, żied jgħid l-ispettur. “Hu kien imsejjaħ għall-interrogazzjoni. Hekk kif telaq, mar dritt id-dar tal-mara u nqabad bil-camera jdoqq il-qanpiena tagħha.” L-imputat ammetta, liema ammissjjoni ġiet ikkonfermata anke wara li l-Qorti wissietu li l-akkużi jistgħu jwasslu għal sentenza ta’ ħabs.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-Ispettur Hayman qal li r-raġel kien għaraf l-iżball tiegħu, u għamel stqarrija f’dan is-sens. Ir-residenzi tal-partijiet kienu fl-istess lokal, huwa żied jgħid. L-avukat tal-għajnuna legali tar-raġel sostna li l-akkużat “qalli li kien hemm raġunijiet emozzjonali għall-imġieba tiegħu, li jien spjegajtlu li ma kinux skuża.”

Id-difiża ssuġġeriet li ordni ta’ probation tkun ideali fiċ-ċirkostanzi. Qabel ma tat is-sentenza tagħha, il-maġistrat wissiet lir-raġel li kellu jagħraf li r-relazzjoni tiegħu mal-vittma kienet spiċċat u li kien qed jagħmel reat kriminali billi ta fastidju. Min-naħa tiegħu, l-akkużat iddikjara li kien se jżomm id-distanza tiegħu mill-mara u kien se jieqaf iċempelha. Ġiet imposta ordni ta’ probation ta’ 18-il xahar, flimkien ma’ ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu.