Internazzjonali

Renju Unit: Battibekki ħorox bejn il-kandidati għat-tmexxija tat-Tories

L-eks Minsitru tal-Finanzi Rishi Sunak u  l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, użaw dibattitu politiku biex jattakkaw lil xulxin dwar il-politika ekonomika futura għall-pajjiż flimkien mal-issue tat-taxxi li ilha tifni lill-poplu Britanniku għal diversi xhur .

Id-dibattitu, fi Stoke-on-Trent, ixxandar lill-pajjiż meta qed tiħrax il-battalja bejn Sunak u Truss dwar min minnhom għandu jieħu t-tmexxija tal-Partit Konservattiv – u effettivament it-tmexxija tal-Gvern – wara r-riżenja ta’ Boris Johnson minn Prim Ministru u Kap tat-Tories.

Intant, waqt id-dibattitu deher ċar is-sens ta’ animosità bejn Sunak u Truss li qed jikkonfrontaw lil xulxin direttament wara li għelbu l-isfida minn kandidati oħrajn għat-tmexxija tat-Tories. Minbarra li ma qablux ċar u tond dwar l-aktar politika tat-taxxa effettiva, Truss u Sunak tlewwmu wkoll dwar ir-rekords rispettivi rigward Brexit u r-rekords tagħhom bħala Ministri tal-Gvern.

Numru ta’ osservaturi, wara, qalu li Sunak ħareġ xi ftit aħjar fl-argumenti dwar l-ekonomija, iżda Truss dehret li kellha pjan aħjar għall-futur tar-Renju Unit mindu l-pajjiż sar indipendenti mill-Unjoni Ewropea f’Jannar tal-2021.

Madwar 160,000 membru tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, ‘il quddiem, se jieħdu sehem f’votazzjoni li tiddeċiedi l-Kap ġdid tat-Tories li jrid iservi wkoll bħala Prim Ministru tar-Renju Unit. Dan meta r-rebbieħ minn fost Truss u Sunak se jkun magħruf fil-5 ta’ Settembru.