Niġerjan ta’ 41 sena ġie ordnat biex fi żmien sena jirrifondi €3,500 lil mara li mingħaliha kienet f’relazzjoni ma’ suldat Amerikan fl-Afganistan u li bagħtitlu somma flus wara li wegħda li kien ġej Malta. Johnson Anene, residenti San Pawl il-Baħar, inġieb Malta mir-Renju Unit biex jiffaċċja akkużi dwar frodi u ħasil ta’ flus. Huwa ġie wkoll kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Johnson, flimkien maħ numru ta’ persuni oħra kien qed jiġi mixli li fil-11 ta’ Awwissu 2020, u fix-xhur ta’ qabel, iffrodaw lill-mara billi tawha x’tifhem li kienet f’relazzjoni ma’ suldat Amerikan stazzjonat l-Afganistan. L-akkużi kienu fuq frodi romantiku. bil-vittma mingħaliha kienet f’relazzjoni ma’ persuna, u li iżda b’qerq kienet qed tiġi manipulata minn ħaddieħor u spiċċat iffrodata.
In-Niġerjan kien inġieb Malta mill-Ingilterra fuq mandat ta’ arrest Ewropew fejn qal fi-Qorti li huwa jaħdem bħala xufier fuq il-fork-lifters. Dan huwa każ relatat ma’ numru ta’ Niġerjani li kien tressqu s-sena li għaddiet u għaddew proċeduri meta kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegat “romance fraud”.
F’każ minnhom mara anzjana kienet allegat li Niġerjan li għamilha ta’ suldat Amerikan kienet għaddietlu eluf ta’ ewro wara li kien iwegħda li ġej Malta fuq il-media soċjali. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li huwa aġixxa ma’ oħrajn biex sfruttaw il-ħniena u l-ġenerożità li wriet il-mara.
Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnatlu wkoll iħallas €1,858 fi spejjeż tal-Qorti kif ukoll ordnat ukoll li jiġu ffriżati tal-assi immobbli u mobbli li għandu. Mill-investigazzjonijiet illi saru, l-prosekuzzjoni qalet li rriżulta li r-raġel kien ħarab minn Malta biex jaħrab dawn ir-reati. Għalih kienet qed tidher l-Avukat Rachel Tua.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Abigail Caruana Vella, Sean Xerri de Caro u Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Claire Borg u Sarah K Zerafa.
//= $special ?>