Lokali Sport

Wirja Fotografika fl-għeluq il-50 anniversarju tal-Għaqda Ġurnalisti Sports

It-Tnejn filgħaxija fid-daħla tal-Parlament giet inawgurata l-wirja fotografika imtella’ mill-Għaqda Ġurnalisti Sports f’gheluq il-50 sena mit-twaqqif ta’ din l-għaqda.

F’din il-wirja qed jigu esebiti madwar 78 ritratt li jkopru dixxiplini sportivi varji – bħall-football, il-boxing, u anke l-għawm.

Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, bosta avvenimenti sportivi kemm lokali u anka internazzjonali kellhom isiru mingħajr spettaturi preżenti…. u għalhekk permezz ta’ din l-esebizzjoni, wieħed jista’ jara wirja ta’ bosta avvenimenti li seħħew f’dawn l-aħħar snin, f’dan l-ambjent mhux tas-soltu.

F’din il-wirja qed jiehdu sehem wħud mill-aqwa fotografi sportivi lokali li huma membri ta’ din l-Għaqda, fosthom Martin Agius, Elena Grech, Domenic Aquilina, Christina Borg, Dominic Borg, Jonathan Bugeja, Alex Buttigieg, Raffaela Colacecchi, Angie Conti, Timmy Cutgno, Carl Farrugia, Patrick Pace u Walter Sargent.

Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn sas-Sibt bejn id-9 ta’ filgħodu u s-7 ta’ filgħaxija u fil-Ħdud bejn id-9 ta’ filgħodu u 12.30.

Din il-wirja tagħlaq nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Awwissu.

Preżenti għall-ftuħ tal-wirja fotografika imtella’ mill-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm il-Kelliem tal-PN għall-Sport Graham Bencini, l-ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, il-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli, il-fotografu profssjonali Tuneżin u membru tal-AIPS Mohmmed Fliss, kif ukoll membri tal-eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.