Mara li għandha l-vizzju tal-logħob tal-azzard u li użat qerq fil-konfront ta’ tliet persuni s-somma ta’ €470,000 ġie kkundannata erba’ snin ħabs u mmultata €70,000 wara li sostniet li kellha bżonn il-flus għall-kura tal-kanċer iżda li fil-fatt nefqet il-flus fuq il-logħob tal-azzard.
Anna Cutajar, ta’ 60 sena, residenti Ħaż-Żabbar li tressqet il-Qorti f’Novembru, ġiet deskritta mill-prosekuzzjoni bħala qarrieqa professjonali fejn waqt li kienet qiegħda u tgħix mill-benefiċċji soċjali, ivvintat każ li permezz tiegħu ffrodat tliet persuni.
Il-mara vvintat storja li fiha sostniet li kellha bżonn il-flus biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-kura tal-kanċer. Kultant hija kienet tqarraq bil-vittmi billi tgħidilhom li kienet qed tiġbor donazzjonijiet għal kura medika għat-tifel ta’ ħabiba li kien qed isofri marda terminali.
Wara hija berbqet il-flus kollha miġbura fil-casinos, ħareġ fil-qorti. Cutajar kienet ġiet arrestata u tresqet il-Qorti mixlija bi frodi, li għamel qligħ frawdolenti, misapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus. Meta tressaq il-Qorti, l-mara ċaġdet l-akkużi kontriha u inżammet taħt arrest preventiv u miżmuma fl-Isptar Monte Carmeli taħt kura psikjatrika.
Hekk kif komplew il-proċeduri kriminali, il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, irċeviet rikors konġunt iffirmat mill-Avukat Ġenerali u d-difiża wara eżerċizzju ta’ patteġġament (ftehim fuq il-piena). Il-partijiet qablu li, f’każ ta’ ammissjoni, il-piena għandha tkun erba’ snin ħabs effettiva u multa ta’ €70,000.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet u wara li ħadet nota tal-kondotta nadifa tal-mara fuq naħa u n-natura serja tar-reati fuq in-naħa l-oħra, il-qorti osservat li l-piena ssuġġerita kienet leġittima. Il-qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-assi kollha tal-akkużat favur il-gvern u ordnat notifika tas-sentenza lill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi. Hija ġiet ordnat ukoll tħallas €2,219.21 bħala spejjeż tal-esperti tal-qorti.
//= $special ?>