Internazzjonali

Ħafna domandi dwar l-aġir ta’ Donald Trump

L-azzjonijiet tal-eks President Amerikan Donald Trump qed ikunu investigati mill-awtoritajiet Amerikani. Dan b’rabta ma’ dak li ġara fis-6 ta’ Jannar tal-2021 fil-Capitol wara l-Elezzjoni Ġenerali li saret fl-Istati Uniti.

Fl-istorja Amerikana l-ebda eks President Amerikan qatt ma ġie akkużat b’reati kriminali.

Sa issa iżda għadha ma nfethitx investigazzjoni kriminali dwar l-aġir ta’ Trump.

Donald Trump kien faħħar pubblikament lil dawk li attakkaw il-bini, iżda għadu jiċħad kwalunkwe aġir ħażin.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja diġà għandu investigazzjoni kriminali dwar dak li ġara fis-6 ta’ Jannar; iżda din hi ffukata fuq l-attakki li saru, u mhux fuq l-azzjonijiet tal-eks President. 

L-istess Dipartiment kien qal li dak li ġara fis-6 ta’ Jannar qiegħed iwassal għall-aktar investigazzjoni wiesgħa fl-istorja tal-investigazzjonijiet li qatt saru fl-Istati Uniti .

Li hu żgur hu li kwalunkwe deċiżjoni mill-prosekuturi federali li jressqu akkużi kontra l-eks president – u kandidat potenzjali fl-elezzjoni tal-2024 – ikollha konsegwenzi kostituzzjonali u politiċi sinifikanti speċjalment fuq il-Partit Repubblikan.