Lokali Qorti

Il-Pulizija jirrakkontaw kif ‘car chase’ mill-Ħamrun sa’ Raħal Ġdid wettqet straġi

Uffiċjali tal-Pulizija taw lill-qorti r-rakkont tagħhom dwar l-arrest ta’ raġel imfittex li ġiegħel lill-pulizija jsegwuh f’’car chase’ drammatika mill-Ħamrun sa Raħal Ġdid il-ġimgħa l-oħra, filwaqt li qalu kif il-vettura tas-suspettat kompliet tinstaq saħansitra wara li ħabtet ma’ mutur, u waqfet biss wara wieħed mit-tyres tagħha spiċċa mifqugħ wara tiri tal-Pulizija.

L-Ispettur Lydon Zammit minn naħa tas-CID xehed dwar kif kien infurmat bl-arrest ta’ Ketih Cremona mis-subalterni tiegħu, wara l-‘car chase’. Cremona ta’ 34 sena mill-Belt Valletta, li jaħdem f’negozju tal-familja kien ġie mixli nhar il-Ħamis fuq il-ġirja bil-karozzi.

Zammit qal li kien intbagħat fuq il-post u ddeskriva kif sab il-Hyundai Lantra tal-akkużat bil-ħsara u l-karozza tal-pulizija pajżana. Cremona ma kienx fuq il-post meta wasal l-ispettur, għax dan kien ittieħed l-isptar għall-kura wara l-arrest tiegħu.

L-ispettur qal li l-ġirja kienet bdiet fil-Ħamrun u li l-maġistrat tal-għassa kien infurmat. Kien hemm toqob tal-balal fil-karozza u wieħed mit-tyres kienet seħħet sparatura fuqu. Imbagħad kien mar fuq ix-xena tal-impatt bejn il-karozza ta’ Cremona u mutur.

Fil-qrib instabet mera identika għal dik nieqsa mill-vettura ta’ Cremona, qal ix-xhud. Karozzi oħra kienu wkoll ntlaqtu u ġarrbu ħsarat mill-vettura tal-akkużat, żied jgħid l-ispettur, filwaqt li spjega li l-pulizija kienet qed tfittex lil Cremona wara li kien tilef appuntamenti biex jiffirma l-Għassa wara li kien ingħata fuq akkużi separati u kien kienet ukoll fost il-kundizzjonijiet ta’ pleġġ li kienu ġew stabbiliti mill-Qorti Kriminali.

Meta l-pulizija llokalizzaw il-karozza tiegħu li kien qed isuq il-Ħamrun, kienu xegħlu s-sireni u l-‘beacon lights’ tagħhom, qal ix-xhud lill-Qorti. “Meta ra dan, Keith Cremona saq lura fit-triq u għamel u-turn.” Il-pulizija segwew il-karozza ta’ Cremona fil-Ħamrun, fejn saq ħażin f’diversi toroq one-way.

CCTV wera li Cremona kien kważi tajjar anzjan li kien qed jaqsam it-triq minn fuq it-‘traffic lights’ ta’ Blata l-Bajda, li dak il-ħin kienu ħomor għall-vetturi. Cremona irnexxielu jevadi ‘roadblock; tal-pulizija hemmhekk, u jdur lejn il-Marsa fejn, ġew sparati tiri ta’ twissija mill-pulizija fid-dawl tal-periklu għal dawk li kienu qegħdin jaqsmu minħabba s-sewqan perikoluż ta’ Cremona.

Il-vettura laqtet ukoll mutur, iżda naqset li tieqaf, qal l-ispettur, u żied li l-karozza tal-pulizija kienet għamlet kuntatt bir-radju għal ambulanza. Cremona kompla jsuq u saħasitra daħal fiż-żona tal-Verdala ħdejn it-tarzna fejn il-pulizija kienu sparaw tiri lejn it-tyres tiegħu.

Is-suspettat kompla jsuq irrispettivament minn dan kollu, u laqat vetturi oħra fil-proċess. Fl-aħħar, Cremona ġie arrestat wara li nfaqa’ t-tyre ta’ wara, li kkawżalu ħabta, qal l-ispettur. Tfittxija fil-karozza tiegħu waslet biex jinstabu żewġ siringi li kien fihom sustanza li għad trid tiġi ttestjata.

L-Ispettur qal li Cremona nstab li kien qed iġorr ukoll sikkina b’xafra twila madwar 15-il ċentimetru. Wara l-arrest tiegħu, l-akkużat kien irrifjuta li jikkonsulta ma’ avukat u rreżista li jiġi interrogat, u qal lill-pulizija li kien qed iħossu għajjien u ma jiflaħx.

L-għada, Cremona qal lill-pulizija li kellu bżonn imur id-Detox. Għalhekk il-pulizija ma setgħetx tieħu stqarrija mingħand Cremona qabel ma ġie mixli l-Qorti, spjega Zammit. Iktar tard, ir-raġel li spiċċa ttajjar mill-vettura ta’ Cremona ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif, żied jgħid l-ispettur.

Wara xehed Surġent tal-pulizija, li qal li qabel ma hu u sħabu uffiċjali kienu bdew it-tfittxija tagħhom għal Cremona, kienu ġabru l-armi mill-armerija peress li Cremona kien magħruf li kien aggressiv lejn il-pulizija. Huwa ta rendikont dettaljat tal-ġiri b’veloċità qawwija u l-arrest sussegwenti, u qal lill-Qorti li kien ilu jaf lill-akkużat għal snin sħaħ, u dan imur lura sa meta Cremona kellu 15-il sena, minħabba li kemm il-darba kiser dufrejh mal-liġi.

Is-Surġent iddeskriva kif Cremona reġġa’ lura bil-veloċità, fi sforz biex jaħrab mill-pulizija, kważi laqat persuna, qabel ma aċċellera u ħarab. “Is-sewqan ta’ Cremona kien perikoluż ħafna u sparajt tir lejn it-tyers tiegħu … iżda hu baqa’ jsuq il-fuq”

Disa’ tiri lejn il-karozza ta’ Cremona

It-tiri laqtu l-mira tal-pulizija, u huwa kkonferma dan fi tweġiba għal mistoqsija mill-qorti. “Ilqatt il-karozza bi tliet tiri.” L-uffiċjal qal lill-Qorti li aktar tard kien iċċekkja l-arma tan-nar tas-servizz tiegħu u kkonferma li kien spara total ta’ disa’ tiri mill-magazin tiegħu ta’ 15-il round.

Kull meta l-karozza tal-pulizija kienet tasal viċin il-vettura suspettata, Cremona kien juża l-karozza tiegħu biex iħabbata mal-vettura tal-pulizija. Il-ġirja kważi waslet fi tmiemha meta Cremona spiċċa bla kontroll, qal is-surġent, iżda Cremona kien saq inizjalment, fuq tal-inqas tyre wieħed ċatt, qabel ma ħabat.

Cremona finalment ittieħed f’kustodja f’dak il-punt u nqrawlu d-drittijiet tiegħu mill-pulizija Il-mutur li ntlaqat mill-vettura ta’ Cremona kien meqrud, huwa qal. “Rajt persuna li kien qed isuqu jgħola fl-arja.” L-uffiċjal qal li kien ġie mġiegħel jispara fuq il-vettura, u spjega li kieku s-sewwieq ma twaqqafx “kien se joqtol lil xi ħadd.

“Għadni nara quddiemi lis-sewwieq tal-mutur jagħmel kutrumbajsi fl-arja.” Kontro-eżaminat mill-avukat difensur David Gatt, is-surġent qal li wara li ħareġ mill-isptar, Cremona kien ingħata l-police bail. Gatt talab lill-uffiċjal biex jespandi kemm mit-tiri li spara kienu fil-fatt laqtu l-karozza. “Rajt tlieta, wieħed jolqot it-tyre u t-tnejn l-oħra laqtu mudguard ta’ viċin it-tyre”

Kuntistabbli tal-pulizija kien ix-xhud segwenti fejn ta dettalji tat-tfittxija għal Cremona, li bdiet wara li ma nstabx fir-residenza tiegħu, u kif kien lemaħ il-karozza tar-raġel fit-triq. Waqt il-waqfa inizjali, Cremona kien dahar lura f’daqqa meta uffiċjal tal-pulizija identifika lilu nnifsu u qallu, “Keith, pulizija. Ieqaf,” qal ix-xhud.

L-Avukat Gatt staqsa lill-uffiċjal jekk instabux xi annimal fil-karozza tal-akkużat. “Naf li nstabet ‘chihuahua’ li Cremona kien qed iġorr miegħu,” qal ix-xhud, u żied li l-kelb aktar tard ingħata f’idejn l-uffiċjali għall-ħarsien tal-annimali. Il-Qorti inizjalment iddifferiet il-kawża għall-10 ta’ Awwissu fid-dawl tar-rekwiżit legali li jsiru seduti kull ġimagħtejn meta l-akkużat ma jingħatax il-libertà proviżorja, iżda Gatt talab aġġornament aktar tard, biex jeżenta lill-qorti milli jkollha tagħmel seduta fil-ġimagħtejn li ġejjin, u żied li dan kien fid-dawl tal-fatt li f’dan l-istadju ma ssir l-ebda talba għal libertà proviżorja.

Gatt informa lill-Qorti li lest jeżenta lill-qorti milli tagħmel xi seduti qabel nofs Settembru u mhux se jkun qed jitlob il-ħelsien mill-arrest sa dak iż-żmien. Għalhekk il-qorti differita l-kawża għall-15 ta’ Settembru fl-10:30.