Fi stqarrija l-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu dak li sejħu ‘allegazzjonijiet infondati’ li bħalissa qed jiċċirkolaw pubblikament u li dehru fuq ċertu mezzi tal-xandir, dwar it-tkeċċija ta’ Mario Mallia minħabba kwistjonijiet dwar policies tal-inklużjoni.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kulleġġ intqal li din it-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu, u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx risolti.
Għal bosta snin l-istess Provinċja Dumnikana Maltija sostniet finanzjarjament u b’diversi modi oħra l-operat tal-Kulleġġ, u dan anke fiż-żmien meta Mario Mallia kien surmast. Sa mit-twaqqif tiegħu 74 sena ilu, il-Kulleġġ kien diġà joffri edukazzjoni lil studenti minn kull oqsma tal-ħajja.
Il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur qalu li għal żmien twil il-Provinċja rat li tassisti familji u studenti li ma kellhomx mezzi biex iwettqu l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Il-Bord dejjem kellu għal qalbu kull policy li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti, tal-familji u tal-edukaturi kollha, inklużi policies ta’ inklussività li dejjem ħaddnet u li se timbotta ’il quddiem fis-snin li ġejjin bl-istess viżjoni u perseveranza.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Bord iħossu marbut bi dmir, u l-Bord jibqa’ kommess għall-għan ewlieni tiegħu li jiżgura l-edukazzjoni u l-benesseri ħolistiku ta’ kull persuna afdata lilu.
Fid-dawl ta’ dan, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir iħoss li mhuwiex opportun li jiddiskuti fil-pubbliku dawn il-ħwejjeġ. Huwa lest li jagħmel dan fil-fora xierqa meta jkun il-waqt.
//= $special ?>