Lokali Saħħa

L-Aġent President jiffirma l-Liġi emendata tal-IVF

Il-Gvern ħabbar li l-Uffiċċju tal-President iffirma l-liġi l-ġdida tal-IVF. Dan wara kważi tliet ġimgħat ta’ tkaxkir tas-saqajn, f’sitwazzjoni mhux normali għal pajjiżna fejn liġi damet daqstant tul ta’ żmien imdendla tistenna l-firma tal-President ta’ Malta.

Issa, l-emendi għall-IVF saru liġi wara l-firma tal-Aġent President Frank Bezzina.

L-Aġent President iffirma eżatt malli l-President George Vella ħalla pajjiżna għal żjara fir-Renju Unit, b’analisti jirrimarkaw li din kienet mossa ċara minn naħa ta’ Vella li ma ried jaċċetta b’xejn dawn l-emendi.

Il-President George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Vella, ħallew Malta kmieni filgħodu għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru f’Birmingham.

Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti fil-bidu ta’ dan ix-xahar, it-tabib Vella kien qal biss li “il-liġi se tkun iffirmata”.

Il-Liġi kienet għaddiet mill-Parlament fis-6 ta’ Lulju li għadda.

Intant, il-Ministru Chris Fearne stqarr fuq Twitter li din il-ġimgha stess jippubblikaw l-Avviż Legali bil-protokol tal-IVF aġġornat.