Enerġija Lokali

L-ARMS se tappella d-deċiżjoni tal-Qorti b’rabta mas-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Minflok ibaxxi rasu wara illi nqabad li qed jisraq lin-nies mill-kontijiet tad-dawl, il-Gvern se jibqa’ għaddej bil-proċeduri fil-Qorti. Tant hu hekk, li l-ARMS se tappella mid-deċiżjoni li kienet ingħatat b’sentenza ċara tal-Qorti fil-bidu ta’ Lulju.

Fil-fatt, tliet ġimghat ilu, kien konfermat mill-ġdid li qed ninsterqu mill-kontijiet. U l-Qorti ordnat lill-ARMS biex trodd lura l-flus li nsterqu minghand il-persuni li kienu fetħu din il-kawża – għaliex kienu konvinti li fil-kont tad-dawl kien hemm is-serq.

Issa, wara din id-deċizjoni tal-Qorti, nistgħu niżvelaw illi l-ARMS se tappella u tkompli bil-ġlieda legali tagħha.

U waqt li għaddej dan kollu, il-Gvern xorta għadu ma rrevediex is-sistema tal-kontijiet li qed tħaddem l-ARMS. Bil-Ministru Miriam Dalli tgħidilna biss li l-proċess għadu għaddej – minkejja l-wegħda ċara li kienet saret fil-Budget illi għadda, u minkejja li issa ilna snin nisimgħu li hemm din il-famuża “anomalija”.

Fil-bidu tax-xahar kellna konferma mill-Qorti li l-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Iżda l-Gvern insista li mhux se jagħti refunds lura lill-familji li nsterqu qabel Jannar ta’ din is-sena. Il-PN minn naħa tiegħu qed jgħid li l-flus kollha li nsterqu għandhom jingħataw lura lill-familji.