Raġel homeless inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati ta’ akkużi relatati mal-fastidju ta’ żewġ tfajliet ta’ 15-il sena. Beyene Fessahatsion Weldeabzghi ta’ 31 sena mill-Eritrea tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia l-Erbgħa wara nofsinhar, akkużat li molestat żewġ tfajliet ta’ 15-il sena, waqt li kienu mexjin mal-promenade ta’ Tas-Sliema.
Il-Qorti ġiet infurmata li r-raġel ma kellu l-ebda indirizz fiss f’Malta. L-Ispettur Colin Sheldon akkuża lil Weldeabzghi li ta fastidju liż-żewġ tfajliet, li ġiegħlhom jibżgħu mill-vjolenza, u li ssuġġettawhom għal atti mhux mixtieqa b’konnotazzjonijiet sesswali.
Huwa ġie mixli wkoll li kien fis-sakra u li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu f’post pubbliku u li jgħix ħajja ta’ għażż u vagabondiċ. Weldeabzghi kien akkużat ukoll li sar reċediv. L-Ispettur Sheldon qal lill-Qorti li l-inċident seħħ fid-19 ta’ Lulju għall-ħabta tal-5:45pm fi Triq it-Torri.
Ir-rapport sar l-għada, li kien jgħid li “persuna ta’ ġilda skura li ffastidja żewġ nisa fi triq it-Torri.” Il-Pulizija kellha biss ritratt tal-akkużat. Aktar tard rapport ieħor ta’ raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni tiegħu kien jgħid li żamm tfajla kontra l-volontà tagħha fuq ix-xatt.
Meta l-uffiċjali waslu fuq il-post, huwa ġie rikonoxxut bħala l-istess persuna mfittxija fuq l-inċident l-ieħor u kien liebes l-istess ħwejjeġ. Wara li spjegatlu l-akkużi, il-qorti staqsiet lill-imputat x’biħsiebu jwieġeb. L-avukat tiegħu ddikjara li se jkun qed iwieġeb mhux ħati.
Il-libertà proviżorja ma kinitx mitluba. Weldeabzghi għandu diversi każijiet preċedenti. Fl-2016 kien ġie mixli li għamel ħsara lil proprjetà privata waqt li kien fis-sakra, li huwa maħsub li kien ikkawżat wara li prostituta kien irrifjutatu, u aktar tard ammetta l-akkużi.
Huwa kien ingħata wkoll sentenza ta’ sentejn ħabs u mmultat €5,000 minn qorti f’Għawdex fl-2019, wara li aggredixxa uffiċjali tal-pulizija f’Marsalforn u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Meta kkundannat lill-akkużat, dik il-qorti kienet irrakkomandat lil Weldeabzghi għad-deportazzjoni, filwaqt li rrimarkat li kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat f’Malta, iżda l-azzjonijiet kriminali ripetuti tiegħu kienu wrew “disprezz u diżrispett totali” lejn il-liġijiet tal-pajjiż u li kemm-il darba wera li hu irrifjuta li jimxi mar-regoli.
//= $special ?>