Edukazzjoni Lokali

“Ir-Rettur ma jafx kif titmexxa skola” – protesta barra l-Kulleġġ St. Albert b’appoġġ għal Mario Mallia

L-MUT tirreġistra tilwima industrijali

Kmieni dalgħodu, numru kbir ta’ għalliema u ġenituri nġabru biswit il-Kulleġġ San Albertu biex jipprotestaw kontra t-tkeċċija tas-surmast Mario Mallia.

L-azzjoni saret b’appoġġ mill-MUT, illi qed tinsisti li se tikkontesta din it-tkeċċija.

“Aħna mhux se naċċettaw din l-attitudni”, stqarr dalgħodu l-President tal-MUT Marco Bonnici. “Dan huwa mod opressiv kif tmexxi skola”.

Intant, b’rabta ma’ din il-kwistjoni, l-MUT irreġistrat tilwima industrijali mal-Ordni tad-Dumnikani u mal-Kurja.

“Ir-Rettur ma jafx kif titmexxa skola – mhuwiex edukatur”, stqarr Marco Bonnici meta indirizza lill-media.

L-MUT qed tinsisti wkoll li l-Bord tal-Kulleġġ ma jgawdi ebda fiduċja, u għandu jirriżenja.

Mallia kien ilu jmexxi dan il-kulleġġ 16-il sena u kien sar magħruf għall-mod inklussiv li kien imexxi dan il-kulleġġ.

Fl-aħħar 24 kienu mijjiet il-messaġġi mlew il-profil ta’ Facebook ta’ Mario Mallia hekk kif inxterdet l-aħbar li kien tkeċċa mill-kariga tiegħu bħala surmast fil-kulleġġ San Albert.

Persuni li ħadmu miegħu qalu li t-tmexxija u l-ethos ta’ inklussività tiegħu kienu dejjem ammirabbli. Dan filwaqt li ħafna faħħru d-dedikazzjoni tiegħu.

Il-Bord tal-Kulleġġ u r-Rettur minn naħa tagħhom qed jiċħdu kategorikament l-allegazzjonijiet – li hum sejħu “infondati” – li dehru f’ċertu mezzi tal-xandir, dwar it-tkeċċija ta’ Mario Mallia, u li indikaw li kienet minħabba kwistjonijiet dwar policies ta’ inklużjoni.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kulleġġ intqal li din it-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu, u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx riżolti.