Sport Waterpolo

San Ġiljan u Neptunes se jerġgħu jikkontestaw il-finali tan-knock-out tal-Kampjonat Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 11

SIRENS MECCA MARINE……. 7

(3-2), (3-2), (1-1), (4-2)

L-iskor finali jista’ jagħti stampa li San Ġiljan JP Projects kellhom logħba komda iżda ma kienx il-każ. Għal darba oħra, Sirens Mecca Marine taw battikata iżda b’differenza għall-konfront tal-kampjonat, San Ġiljan aċċertaw mir-rebħa fl-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni.

San Ġiljan fetħu l-logħba b’gowl ta’ Matthew Zammit iżda kienu kostretti jdawru r-riżultat. Dan minħabba li Sirens wieġbu b’gowls ta’ John Napier u Mikhael Cutajar. Iżda San Ġiljan ġabu d-draw l-ewwel minn Darren Zammit u lejn tmiem is-sessjoni.

Sirens baqgħu fil-logħba fit-tieni sessjoni u wieġbu perjodikament għall-gowls tal-avversarji. Għal darbtejn naqqsu d-distakk għal gowl sakemm Andreas Galea għamel l-iskor 6-4.

Zerafa Gregory naqqas id-distakk kmieni fit-tielet sessjoni, b’San Ġiljan ifallu diversi okkażjonijiet ta’ skor u kien biss Matthew Zammit li ħalla lit-tim tiegħu b’vantaġġ doppju. San Ġiljan aċċertaw mir-rebħa fl-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni b’gowls ta’ Darren Zammit u doppjetta ta’ Ben Plumpton. Sirens pruvaw jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli filwaqt li Nikolai Zammit ssiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (2), N. Schiavone, M. Zammit (2), B. Plumpton (2), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (3), D. Zammit (2), N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero

Sirens: T. Micallef, P. Serracino (1), K. Erdogan, J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (1), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier (1), M. Cutajar (1), M. Sciberras, M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius

Referees: Alex de Raffaele, Raffaele Colombo

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 7

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 13

(1-3), (2-3), (3-4), (1-3)

Għad-disa’ sena konsekuttiva, ir-rebbieħ tan-knock-out tal-Kampjonat Premier se jkun San Ġiljan jew Neptunes Videoslots wara li tal-aħħar għelbu lil Birżebbuġa Freeport mingħajr wisq diffikultà. Jordan Camilleri reġa’ kien nieqes għal Neptunes filwaqt li għal Birżebbuġa rritorna David Cutajar.

Ironikament kienu Birżebbuġa Freeport li fetħu l-iskor minn Keith Tanti sakemm Neptunes wieġbu bi tliet gowls sa tmiem l-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ ta’ Neptunes kiber għal 6-2 fit-tieni sessjoni u b’hekk kienu jinsabu f’pożizzjoni aktar komda.

Birżebbuġa ttantaw jidħlu fil-logħba wara li naqqsu d-distakk għal 6-4 iżda Neptunes kellhom ħsibijiet oħra. B’doppjetta ta’ Michael Spiteri Staines u gowls ta’ Jake Muscat u Stevie Camilleri, il-vantaġġ kiber għal 10-5, b’Gabriel Sammut inaqqas id-distakk. F’din is-sessjoni ħareġ Jake Muscat li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni fiżika.

Huma komplew jikkontrollaw il-logħba fl-aħħar sessjoni, b’Jake Cachia, Michael Spiteri Staines u Stevie Camilleri kabbru l-iskor. Ben Grech skorja gowl ta’ konsolazzjoni għal Birżebbuġa.

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech (2), C. Mifsud (1), R. Mock, N. Fenech, D. Cutajar (1), D. Farrugia, K. Tanti (2), M. Curmi, M. Sladden, D. Incorvaja, G. Sammut (1)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), S. Gialanze (1), G. Pace, J. Cachia (1), J. Spiteri Staines, S. Camilleri (4), J. Abela (1), M. Spiteri Staines (4), A. Fenech (1), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Referees: Arnaldo Petronilli, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Ta’ Xbiex v Marsaxlokk 6.15pm, Otters v Barracudas 7.20pm

Kampjonat Premier: Sliema v Sirens 8.25pm

Is-Sibt 30 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Valletta v Marsaskala 6.05pm

Kampjonat Premier: Birżebbuġa v Exiles 5.00pm, Neptunes v San Ġiljan 7.10pm