Lokali

“Sitwazzjoni oħra fejn il-Gvern reġa’ inganna lill-poplu” – PN

Dak li għaddej bħalissa fl-Air Malta hija turija oħra ta’ kif il-Gvern reġa’ inganna lill-poplu…  Sitwazzjoni li qed tipperikola l-eżistenza ta’ din l-istess kumpanija u anke tal-ħaddiema.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għax-xogħol Ivan Castillo u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.

Ivan Castillo tefa’ dawl fuq dak li għaddejjin minhom dawn il-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif minħabba l-aġir tal-Gvern qed issir theddida fuq l-ezistenza ta’ din il-kumpanija u anke fuq l-istess ħaddiema.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li dawn il-ħaddiema spiċċaw ingannati mill-Ministru Clyde Caruana li kien qalilhom li kien hemm pjan u kollox jien lest…. Iżda jidher li din kienet gibda.

Huwa żied jgħid li l-Gvern għandu obbligu li jwieġeb għal diversi mistoqijiet li qed isirulu fosthom dwar fejn marru l-flus li kienu investititi, dwar il-mod ta’ kif qed jintgħażlu l-ħaddiema u dwar il-pagi u l-benefiċċji li se jingħataw.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li l-ħaddiema bħalissa jinsabu għaddejjin minn inċertezza kbira anke minħabba l-fatt li qed ikunu affaċċjati bl-għafsa tal-għoli tal-ħajja. Bil-Gvern spiċċa qed jinjora l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Huwa saqsa x’inhi l-istrateġija tal-Gvern għall-Air Malta hekk kif sa issa ħadd għadu ma jaf x’se jiġri allavolja saru ħafna wegħdi mill-Ministru tal-Finanzi.  

Jerome Caruana Cilia aċċenna l-fatt li bosta pajjiżi madwar id-dinja qed jgħinu lill-ħaddiema jaffaċċjaw l-isfida tal-għoli tal-ħajja iżda donnu l-Gvern Malti mhux qed jagħmel bizzejjed f’dan ir-rigward. Għalhekk appella sabiex flus il-poplu jintefqu fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Huwa semma numru ta’ okkażjonijiet fejn sar u għadu jsir tberbiq ta’ flus mill-Gvern u appella sabiex il-Gvern ma jibqax jidħak bil-poplu u jużah biss għall-voti.