Fit-tieni semi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa tan-nisa, f’Milton Keynes Stadium, il-Ġermanja għelbet lil Franza 2-1 biex issa l-Ħadd tilgħab kontra l-Ingilterra fil-Finali.
Żewġ gowls minn Alexandra Popp, bla dubju waħda mill-aqwa plejers f’din l-edizzjoni, kienu biżżejjed għal Ġermanja biex għelbu avversarju skabruż bħal Franza u fl-istess waqt l-appuntament li jmiss huwa fil-finali kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium.
Bilanċ assolut bejn iż-żewġ timijiet saħansitra wara li fl-40 minuta minn azzjoni ta’ Svenja Huth kienet Alexandra Popp li għelbet lil Pauline Peyraud Magnin. Reazzjoni immedjata minn Franza li ħames minuti wara għamlet l-iskor 1-1 b’auto gowl ta’ Merle Frohms. Riżultat li biħ intemmet l-ewwel taqsima. L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess bid-differenza li fis-70 minuta kienet mill-ġdid Alexandra Popp li minn azzjoni ta’ Huth għelbet lil Magnin għat 2-1 u kkonsolidat post fil-finali. Ir-Referee tal-partita kienet Cheryl Foster minn Wales.