Ġimagħtejn qabel jiskadi ż-żmien maqbul biex 577 ħaddiem tal-Air Malta jingħataw impjieg alternattiv, il-maġġoranza l-kbira tagħhom għadhom totalment fl-għama dwar x’se jsir minnhom u bil-Gvern issa qed jipprova jtawwal dan il-proċess sal-aħħar tas-sena.
Id-data oriġinali maqbula mal-Gvern għar-rilokazzjoni tal-kważi 600 ħaddiem kienet it-12 t’Awwissu, imma hekk kif din id-data issa tinsab wara l-bieb, il-ħaddiema jew il-parti lkbira tagħhom tħallew lampa stampa.
“Lanqas btala mal-familja ma nistgħu nippjanaw. Ħallewna għal riħna u ħadd ma jaf fejn qiegħed”, qal wieħed mill-ħaddiema li xtaq jibqa’ anonimu. “Fin-nofs hemm ħobżna, imma ma jimpurathomx”.
Wara li r-rappreżentanti tal-ħaddiema l-Erbgħa kellhom laqgħa ta’ aktar minn sitt sigħat fil-kwartieri tal-General Workers Union fil-Belt Valletta, ġew maqbula għadd ta’ proposti li se jkunu qed ipoġġu quddiem il-Ministru Clyde Caruana.
Fost it-talbiet hemm li l-estensjoni tkun biss sal-31 ta’ Ottubru u mhux sal-31 ta’ Diċembru kif jidher li jrid il-Gvern ,u li l-ħaddiema li se jkunu qed jaċċettaw din l-estensjoni jingħataw kumpents extra talli ser jagħmlu dan.
Net News għamel kuntatt ma’ Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU biex jistaqsi jekk il-proposti waslux quddiem il-Ministru. Bugeja qalilna li għad irid jiltaqa’ mal-Ministru tal-Finanzi u jippreżentali l-kundizzjonijiet li qed jipproponi.
Intant din is-sitwazzjoni qed tiżviluppa wkoll f’waħda diskriminatorja bejn il-ħaddiema.
Dan għaliex mill-ħaddiema kollha li applikaw għall-iskema li l-Gvern nieda qabel l-elezzjoni hemm ħafna minnhom li għadhom jistennew, madankollu oħrajn ingħataw impjieg.
Dan kollu qed iseħħ meta pajjiżna qiegħed fil-qofol tal-istaġun turistiku… l-ewwel wieħed li jqarreb lejn in-normalità wara sentejn ta’ pandemija.
//= $special ?>