Matthias Mizzi
ĦAMRUN SPARTANS……….1
FK VELEZ MOSTAR…………..0
Ħamrun S.: H. Bonello, S. Borg, E. Marcelina, O. Bjelicic (80’ R. Callegari), J. Corbolan, R. Prsa, M. Guillaumier (80’ M. Fedele) , R. Camenzuli, J. Robert (62’ I. Nedeljkovic), E. Sukisa (62’ M. Balla Sowe), D. Soares
FK Velez Mostar: S. Bogdanovic, A. Barjic, F. Ikic, S. Zeljkovic, E. Halilovic (39’ A. Pavic), O. Prses, S. Radovac (56’ N. Andjusic) , Hasanovic, M. Cosic (69’ A. Dejanovic), N. Haskic, D. Pantelic (68’ E. Vehabovic)
Imwissija: A. Bajric (V), R. Prsa, E. Marcelina (Ħ)
Skorjaw: 15’ J. Robert
Referee: Juri Frischer (EST)
Assistenti Referees: Velko Mõtsnik (EST) & Sander Saga (EST)
F’konfront ieħor mill-aktar interessanti, Ħamrun Spartans għamluha għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni mill-UEFA Europa Conference League hekk kif fl-Istadium taċ-Ċentinarju huma għelbu lil FK Velez Mostar f’aggregate ta’ 2-0.
F’bidu b’saħħtu, mal-ħmistax-il minuta Ħamrun Spartans fetħu l-iskor permezz ta’ xutt fil-baxx wara kontrattakk veloċi mill-akkwist il-ġdid Jonny. Minuta wara t-tim Malti ħelisha ħafif meta xutt ta’ Samir Zeljokovic stampa mal-mimduda, bir-rebound ħabat ma’ plejer ta’ FK Velez Mostar u baqa’ sejjer barra. Man-nofsiegħa logħob free-kick ta’ Matthew Guillaumier seta’ faċilment spiċċa fl-anglu iżda l-goalkeeper Bogdanovic ċaħħad din il-possibiltà. Mill-istess corner, Ħamrun reġgħu kienu perikolużi meta Dodo Soares xeħet cross fil-baxx, bir-rebound ta’ Johnny għadda għoli. Proprju qabel tmiem l-ewwel taqsima Ħamrun reġgħu kienu sfortunati li ma daħlux jistrieħu b’vantaġġ ta’ żewġ gowls meta xutt ta’ Jonny stampa mal-wieqfa.
Fit-tieni taqsima, it-tim mil-Bosnia Herzegovina żied kemxejn fuq l-offensiva biex fil-53 minuta huma marru viċin permezz ta’ xutt b’saħħtu mill-attakkant Djordje Pantelic. Minkejja dan Ħamrun ma naqsu xejn mill-azzjonijiet perikolużi tagħhom tant li fil-65 minuta Ryan Camenzuli għadda kross preċiż lejn is-sostitu Mousa Balla Sowe, b’dan il-plejer ma laqatx tajjeb fil-kaxxa ż-żgħira. Wara din l-azzjoni l-kumplament tal-partita kompliet f’waħda bilanċjata bil-Ħamruniżi aktar kawti fid-diviża u operaw bil-kontrattakk. Minkejja li l-avversarji għamlu minn kollox fl-aħħar ħinijiet, fl-ebda parti ma kienu viċin sad-89 minuta meta xutt ta’ Haskic għadda ferm viċin.
