Ma nistgħux ninjoraw it-tbatijiet tal-familji. Speċjalment bħalissa meta l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel hija għolja ħafna.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta illum kien intervistat fuq Net FM mill-ġurnalist Dione Borg.
Dwar iż-żieda fil-prezzijiet, il-Kap tal-PN fakkar kif il-Prim Ministru qed jistrieħ biss fuq l-istatistika.
Bernard Grech stqarr li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jgħix aħjar. U għalhekk, ma nistgħux ninjoraw dak li qed iħossu l-ħaddiema, il-familji u l-anzjani.
“Robert Abela għandu tassew jindirizza l-problemi tan-nies u mhux jinjorahom”, insista Bernard Grech. U hawn, il-Kap tal-PN semma’ kif il-Gvern qed jinsa anke lill-pazjenti.

Fuq Net FM, Bernard Grech tkellem dwar il-miljuni li b’mod abbużiv qed jintefqu minn naħa tal-Gvern f’kuntratti u direct orders; nefqiet li kompletament ma jagħmlux sens, jew li huma dubjużi. “Bin-nies fin-negozju jgħidu li issa erġajna morna għal żmien fejn qed jieklu biss erbat iħbieb ta’ Robert Abela”, qal il-Kap tal-PN.
Matul l-intervista, Bernard Grech fakkar fl-abbozz li reġa’ ġie preżentat mill-Oppożizzjoni u li fih 11-il proposta għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – emendi fil-liġi li huma ibbażati fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Inkjesta Pubblika li kienet saret wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dwar il-problema tat-traffiku, il-Kap tal-PN irrimarka li anke hawn jeħtieġ li l-Gvern ikollu pjan. Dan sabiex nieħdu l-benefiċċju massimu tal-proġetti li qed isiru u nindirizzaw tassew din l-isfida. Għaliex fil-verità, spjega Bernard Grech, il-konġestjonijiet xorta qed jippersistu.
“Għandu jkun hemm pjan fit-tul, maqbul bejn il-partiti”, stqarr il-Kap tal-PN.

Intant, dwar il-liġi tal-IVF, il-Kap tal-PN fakkar li l-President qiegħed hemm biex jiffirma l-liġijiet tal-Parlament. U għalhekk, b’dak li għamel il-President Vella, weħħel għal ftit ġimgħat il-ħidma li saret fil-Parlament.
Hu stqarr li George Vella kellu l-għażla li ma jibqax fil-kariga jekk veru ma emminx f’din il-liġi, iżda baqa’ hemm u ġiet iffirmata mill-Aġent President meta hu kien imsiefer.
“Din hi logħba, u kont nistenna aħjar”, qal Bernard Grech.
//= $special ?>