Lokali

Il-Gvern tal-Labour ikompli jinjora lil kulħadd dwar Kemmuna – PN

“Il-Gvern Laburista qed jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet kollha relatati mas-sitwazzjoni f’Kemmuna. Saru numru ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru Silvio Schembri u lill-Ministru Clayton Bartolo dwar konċessjonijiet fil-bajjiet, kuntratti, liċenzji jew permessi relatati mal-kiri ta’ deckchairs u umbrelel f’Kemmuna iżda dejjem inghatat l-istess tweġiba –  ‘It-tweġiba tingħata f’seduta oħra’.”

Sostniet dan id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Cilia fejn spjegat li saħansitra saret ukoll mistoqsija parlamentari verbali lill-Ministru Clayton Bartolo li għaliha wieġeb li kellu madwar 20 PQ fuq is-suġġett, l-istess PQs li baqgħu bla tweġiba.L-istess mistoqsija parlamentari saret għall-bajjiet kollha fil-gżejjer Maltin iżda r-risposta kienet l-istess – ‘L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra’.

“L-istess mistoqsijiet parlamentari reġgħu tressqu diversi drabi. Il-Parlament issa waqaf għall-vaganzi tas-sajf u l-mistoqsijiet għadhom mhux imwieġba.”

Hija spjegat li l-Ħamis smajna wkoll l-aħbar li l-Moviment Graffitti bagħatu t-tieni ittra lil numru ta’ Ministri dwar is-sitwazzjoni f’Kemmuna, u dawn għad iridu jirċievu tweġiba għall-ewwel ittra tagħhom.

Dan filwaqt li temmet tgħid li l-Gvern Laburista hemm bżonn li minnufih jieqaf jinjora u jkun arroganti mal-Oppożizzjoni, mas-Soċjetà Ċivili u maċ-ċittadini inġenerali.

Trid tittieħed azzjoni biex is-sitwazzjoni f’Kemmuna tiġi rimedjata.