Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA jgħid “Għandna bżonn l-Air Malta”

L-MIA bl-inqas riżultati pożittivi fil-Mediterran fit-tieni kwart tas-sena

“Jeħtieġ li immedjatament innaqqsu d-distakk mal-pajjiżi kompetituri tagħna.”

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef… fejn ġew ippreżentati ċ-ċifri tal-MIA għat-tieni kwart tas-sena – ċifri li t-tnejn li huma saħqu li għandhom fejn jitjiebu.

Fost l-oħrajn ġie spjegat li n-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport Malti bdew jiżdiedu. iżda minkejja dan, l-aktar pajjiżi li kienu storikament importanti għal-mutur turistiku Malti ħadu daqqa.

Dan hekk kif meta ċ-ċifri ġew mqabbla ma’ dawk tal-2019, urew li passiġġieri mir-Renju Unit naqsu bi 33%, tnaqqis mill-Ġermanja b’36% kif ukoll minn Spanja bi tnaqqis ta’ 24%. Dan filwaqt li l-akbar żidiet li ra pajjiżna kienu turisti ġejjin minn Franza, u l-Italja.

Fl-ajurport Malti naqsu l-vjaġġi tal-Easyjet b’16%, Wizzair b’41% u Lufthansa b’4%. Numri li jwassluna sabiex inkunu l-aħħar fil-lista mal-kompetituri tagħna.

Net News tkellem ma’ Alan Borg fejn saħaq li t-triq hija pożittiva. Madanakollu ċertu affarijiet m’għandniex kontroll assolut fuqhom bħall-effetti tal-pandemija.

Huwa spjega kif minħabba l-kriżi fl-Ukrajna il-prezz tal-fjuwil tal-ajruplani qed jara żieda drastika u għaldaqstant aktar ma’ pajjiż ikun ‘il bogħod aktar il-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru lejn pajjiżna jiżdiedu.

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll li pajjiżna ra tnaqqis ta’ vjaġġi minn numru ta’ ajruporti– fosthom Frankfut bi tnaqqis ta’ 31%, Catania bi tnaqqis ta 17%, kif ukoll Manchester bi tnaqqis ta 5%…. riżultat tal- fatt li l-linja tal-ajru Nazzjonali Air Malta jew m’għadhiex ttir lejn ċertu ajruporti, bħal fil-każ ta’ Frankfurt u Manchester….jew naqset it-titjiriet.

Alan Borg insista li mingħajr linja tal-ajru nazzjonali ma tistax taħdem.

Dan filwaqt li sostna li l-azzjonijiet industrijali u tnaqqis ta’ ħaddiema qed jagħtu daqqa għall-fiducja tal-konsumatur…bl-aħħar episodju li rajna kien t-300 bagalja mitluqa għal riħhom fuq il-mitjar.

Minkejja dan kollu huma determinati li jiksbu titjib u jħarsu ‘l quddiem hekk kif inhu mbassar li sa tmiem l-2022 l-passiġġieri li jgħaddu minn Malta se jilħqu l-5.4miljun persuna fuq il-livelli ta’ bejn l-2016 u l-2017.

Intant spjega wkoll li fost il-proġetti li jmiss fi ħdan l-MIA huma Skyparks 2 u l-bidu tax-xogħol fuq apron ġdida li mistennija titlesta sal-2026.