Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummisjoni Ewropea stess offriet deroga lil Malta fil-kwestjoni tal-gass LNG

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern Malti ħareġ stqarrija fejn qal li Malta kienet assigurata eżenzjoni mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal tnaqqis mandatorju fl-użu tal-gass, bix-xandir nazzjonali jirraporta din l-aħbar bi prominenza.

Madankollu din l-opportunità ta’ eżenzjoni fil-verità kienet diġa tatha l-istess Kummissjoni, li fil-proposta oriġinali provdiet għal deroga lil min – bħal Malta – mhux konness man-network Ewopew.

Filfatt it-test oriġinali tal-proposta jirreferi għal membri stati li minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew fiżika tagħhom ma jistgħux inaqqsu b’mod sinnifikanti l-ammont ta’ gass ikkunsmat, u jgħid hekk:

“Dawk il-membri Stati għandhom jingħataw il-possibilità li jitolbu deroga mill-obbligu tat-tnaqqis għad-domanda”.

F’kummenti li ta lil Net News, il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija Mark Anthony Sammut qal li anke fid-dawl ta’ dan wieħed għandu dejjem jixtarr sew dak li jgħid il-Gvern Laburista.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi tnaqqis fl-użu tal-gass LNG fi sforz biex ma tinqabadx fuq sieq waħda jekk ir-Russi jkomplu jillimtaw il-provvista bħala tpattija għas-sanzjonijiet imposti fuqha mill-Unjoni Ewropea hekk kif l-attakki tal-Kremlin fuq art Ukrena issa daħlu fis-sitt xahar tagħhom.