Il-Moviment Graffitti bagħat it-tieni ittra tiegħu lil ħames Ministri – tat-turiżmu, ta’ Għawdex, tal-ambjent, tal-artijiet u tal-ippjanar – dwar is-sitwazzjoni f’Kemmuna, b’mod partikolari il-Blue Lagoon. Fiha innutajna li ma rċivejna ebda tweġiba għall-ewwel ittra li ntbagħtet fis-6 ta’ Ġunju, u esprimejna d-dispjaċir tagħna li minn dak iż-żmien ‘l hawn is-sitwazzjoni baqgħet waħda kompletament inaċċettabbli.
Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet, il-Moviment Graffitti wissa li lest jerġa’ jieħu azzjoni diretta sabiex jiżgura li Kemmuna titgawda minn kulħadd u jitħares l-ambjent naturali tagħha.
Il-Moviment Graffitti dejjem saħaq li r-raġuni tas-sitwazzjoni gravi fil-Blue Lagoon hija x-xibka ta’ kummerċ intensiv li ħakmet din il-bajja, mhux id-deckchairs u l-umbrelel biss, iżda wkoll id-dgħajjes kbar (bħal katamarani) li jferrgħu mijiet ta’ turisti u n-numru esaġerat ta’ gabbani kbar li joħolqu skart u storbju insostenibbli.
Fl-ittra għidna li mhux biss dan it-tħassib ma ġiex rikonoxxut, iżda anke fir-rigward tad-deckhairs u l-umbrelel, is-sitwazzjoni qajla tjiebet. Meta erġajna żorna Kemmuna ftit tal-ġranet ilu, sibna li kienu tneħħew biss il-ftit deckhairs mill-parti żgħira ramlija, filwaqt li l-bqija taż-żona – is-simenta, il-passaġġ u l-bajja ż-żgħira l-oħra – kienu għadhom miksijin deckhairs vojta u umbrelel minn kmieni filgħodu.
L-ittra tagħmel ukoll referenza għall-gideb li ntqal sabiex tiġi ġustifikata n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet. Il-Ministru Clayton Bartolo stqarr li ma jridx jikkummenta dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni f’Kemmuna għaliex hemm kumitat li qed jaħdem dwar pjan. Iżda l-istess Ministru, għal darbtejn wara xulxin, ma weġibx Mistoqsijiet Parlamentari dwar il-kompożizzjoni u x-xogħol ta’ dan il-kumitat. Filfatt kollox jindika li dan il-kumitat – li kien twaqqaf fl-2017 sabiex, fost oħrajn, jevalwa l-Pjan ta’ Ġestjoni għall-Kemmuna tal-2016 – preżentament ma jeżistix.
Id-direzzjonijiet li ngħataw mill-Pjan ta’ Ġestjoni baqgħu fuq l-ixkaffa għal sitt snin sħaħ sabiex ma jinqarsux l-interessi kummerċjali li kkapparraw din ir-riserva naturali.
L-ittra tisħaq li għandhom jittieħdu miżuri minnufih sabiex tieqaf il-ħsara li qed issir u sabiex din il-bajja terġa’ tingħata lill-poplu. Dawn il-miżuri huma:
- Deckchairs u umbrelel jintramaw biss fuq talba ta’ persuna fiżikament preżenti fuq il-post u FL-EBDA ĦIN m’għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon.
- Id-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta’ turisti f’salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna.
- Ikun hemm limitu ta’ żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta’ mużika, fil-Blue Lagoon.
- Ikun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta’ skart iġġenerat, u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, sabiex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali.