Lokali

Kważi 420,000 vettura liċenzjata fit-toroq ta’ pajjiżna

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju, il-vetturi f’pajjiżna żdiedu b’4,585. Sabiex issa t-total ta’ vetturi fit-toroq tagħna jammontaw għal ftit aktar minn 419,000.

Ċifri maħruġa mill-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika juru li minn dan it-total, 75% huma karozzi privati u 13% huma vetturi kummerċjali.

Il-muturi, quadbikes u e-scooters jammontaw għal 10% tal-vetturi liċenzjati.

Bejn April u Ġunju li għadda inħarġu mas-7,000 liċenzja għal vetturi – li nofshom kienu karozzi tal-passiġġieri. Minn dawn is-sebat elef, 71% kienu vetturi ġodda, filwaqt li 28% kienu vetturi ‘second hand’ li ġew reġistrati.

Dan ifisser li fit-tieni kwart tas-sena, żdiedu 78 vettura kuljum fit-toroq tagħna.

Sa Ġunju, kważi 60% tal-vetturi f’pajjiżna kienu jaħdmu bil-petrol u 37% kienu b’magni diesel.

Il-vetturi elettriċi jew hybrid li għandna bħalissa fit-toroq tagħna jammontaw biss għal 2.3% mit-total ta’ vetturi.