Lokali Parlament

L-Electrogas ingħażel għall-power station qabel approva l-Bord tal-Enemalta

Minn xhieda mogħtija mill-ex Chairman tal-Enemalta Charles Mangion quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Konitjiet Pubbliċi (PAC) jirriżulta li l-Bord tad-Diretturi ta-Enemalta ma kienx informat dwar bidliet li kien hemm fil-konsorzju Electrogas li rebaħ l-offerta għall-bini tal-power station. Jirriżulta minn minuti li l-konsorzju Electrogas ingħażel qabel il-Bord tal-Enemalta approva jew irratifika d-deċiżjoni.

Quddiem dan il-kumitat xehdu l-ex Chairman tal-Enemalta Chales Mangion u l-ex Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Louis Giordimaina. Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Graham Bencini għaliex l-Enemalta approvat lill-Electrogas meta kien hemm tħassib serju li l-Gasol, li kienu parti mill-konsorzju, kellhom bżonn kumpaniji oħra biex joperaq u jekk dawn jistgħux jibqgħu joperaw u jeżitu, Charles Mangion qal li s-SOCAR daħlu garanti iżda ma jafx għaliex sar dan. Charles Mangion ikkonferma li l-Bord tal-Enemalta ma kkonsulatx mad-dokumenti li kellu f’dan il-kuntest.

Hu qal li sar jaf bil-garanzija tas-SOCAR wara li l-Bord tal-Enemalta approva l-proġett u mhux f’dak il-perjodu. Ma kien hemm l-ebda raġuni biex ikun hemm dubji iżda ma konniex nafu fil-garanziji tas-SOCAR jew bil-problemi finanzjarji ta’ Gasol, sostna Charles Mangion, li qal li l-Bord tal-Enemalta aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Board of Review. Hu kompla li kien jassumi li s-Segretarju tal-Bord kien informa lill-ministru responsabbli dakinhar li l-Enemalta ddeċidiet bid-deċiżjoni.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li l-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru saret laqgħa f’Kastilja li għaliha attenda l-Ministru Konrad Mizzi, David Galea u Louis Giordimaina biex jingħataw d-dettalji dwar il-proġett.

L-għada saret laqgħa tal-Bord tal-Enemalta u dakinhar il-Ministru Konrad Mizzi jħabbar li l-proġett tal-power station kien approvat. David Agius qal li l-proċedura tispeċifika li fuq deċiżjoni kbira bħal din, il-ministru kellu jinforma lill-Kabinett.

Ir-rapporti finazjarji jispeċifikaw li Gasol ma kinitx kapaċi tlaħħaq mal-obbligi finanzjarji fl-2014, speċifika Darren Carabott b’Charles Mangion isostni li ma kienx jaf b’din is-sitwazzjoni.

Ma konniex informati li xi kumpanija li tefgħet l-offerta setgħet ingħatat vantaġġ u t-tibdil tal-offerta qatt ma kien diskuss, sostna Charles Mangion, li qal li dan it-tibdil m’għamlitux l-Enemalta iżda kien fil-proċess tal-evalwazzjoni.

Ma jidhirlix li lilna qalulna b’diversi diffikultajiet jew kawżi fil-qorti, sostna Charles Mangion li qal li ma kienx preokkupat li fil-proċess inbidlu l-azzjonisti. Ma konniex informati dwar dan, sostna Charles Mangion.

L-ex Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Louis Giordimaina xehed li ma jiftakarx min kellu jħallas it-taxxi; jekk hux l-Enemalta jew il-kosorzju li tefa’ l-offerta u lanqas ftakar jekk din il-kwistjoni telgħetx quddiem il-bord.

Dwar kuntatti ma’ Konrad Mizzi, Louis Giordimaina qal li kien ħalla l-preżentazzjoni li kien għamel lill-ex Ministru Mizzi fl-uffiċċju tiegħu fl-Enemalta wara li telaq mill-kariga.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius irrimarka li llum il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta qed jgħid li ma sabx din il-peżentazzjoni.

Louis Giordimaina qal li l-Ministru Konrad Mizzi kien tah dettalji dwar l-istrateġija tal-Gvern għall-enerġija fl-2013 u kkonferma li kellu diversi laqgħat mal-istess ministru dwar dan.

Fil-11 ta’ Ottubru 2013 l-uffiċjal tal-Enemalta David Galea kien ta preżentazzjoni dwar il-power station u jirriżulta li d-deċiżjoni kienet se titħabbar qabel kien informat il-Bord tal-Enemalta.

Hu qal li d-deċiżjoni finali dwar il-power station ħadha l-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta. David Agius spjega kif minn minuti jirriżulta li l-kumpanija preferuta kienet magħżula qabel iddeċieda l-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta.

Hu qal li ċ-Chairman tal-Bord tal-Enemalta Charles Mangion kien ċempel lill-Ministru (Konrad Mizzi) wara l-laqgħa tal-Bord li approvat lill-Electrogas bħala l-konsorzju li se jibni l-power station.

Louis Giordimaina kkonferma li Lara Boffa kienet ivvutat kontra l-Electrogas u sostna li Lara Boffa kienet tat anki r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.