Lokali Qorti

Miċħuda żewġ appelli fil-konfront tar-raġel tal-Avukat Margaret Mifsud li kien qatilha 10 snin ilu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ċaħdet żewġ appelli mressqa mill-qattiel Nizar el Gadi, li kien ikkundannat għomru il-ħabs fl-2015, wara li nstab ħati tal-qtil tal-eks martu, l-avukat Margaret Mifsud.

Mifsud instabet mejta fil-karozza tagħha f’Bahar ic-Caghaq fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ April 2012, wara li attendiet ikla ma’ kollegi fix-Xemxija. Esperti forensiċi li xehdu waqt il-ġuri qalu li l-vittma kienet instabet li mietet b’asfissija (fgata) trawmatika kkaġunata minn el Gadi billi tela’ fuq sidirha u qatagħlha nifisha.

Mifsud kienet irrapportat lil żewġha lill-pulizija talli pprova jifgaha ftit tal-ħin qabel il-qtil tagħha. Sussegwentement il-Libjan kien ikkundannat għal għomru l-ħabs b’ħames perjodi ta’ 10 ijiem ta’ detenzjoni solitarja kull sena għall-qtil.

Sussegwentement żdiedet multa ta’ €5000 u tliet xhur żejda mas-sentenza ta’ El Gadi fid-dawl ta’ ġesti ta’ theddid li għamel lejn l-ispettur tal-pulizija tal-prosekuzzjoni u l-familja tal-vittmi, malli rċieva s-sentenza tiegħu. Is-Supretendent Keith Arnaud, li kien spettur dak iż-żmien, kien xehed kif wara li ngħatat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs, minn wara l-awla omm il-vittma kienet qalet jekk issa kienx ‘kuntent, li kien se jibqa’ Malta’” u li wara, il-familja kienet bdiet tapplawdi l-eżitu tas-sentenza.

Bi tweġiba għall-kumment ta’ Mifsud, il-Libjan kien għamel ġest bħallikieku kien qed jispara lill-familja, qabel dar lejn Arnaud u għamel subajgħ ma’ għonqu, u qallu “int jmiss”. El Gadi kien ippreżenta appelli għaż-żewġ sentenzi, fejn sostna fost l-oħrajn, li s-sentenza kienet nulla minħabba li l-qorti naqset milli ssemmi l-fatti tal-każ fis-sentenza fil-kawża tal-qtil u talab lill-qorti tal-appell biex terġa’ tikkunsidra l-piena inflitta bil-kawża. rigward is-sentenzi li kien irċieva.

F’deċiżjonijiet separati li ngħataw aktar kmieni llum, l-Imħallef Giovanni Grixti, li ppresieda l-Qorti tal-Appell Kriminali, ċaħad iż-żewġ appelli ta’ el Gadi, u ddeċieda li l-kunsiderazzjonijiet dwar is-sejba ta’ ħtija tiegħu u l-piena inflitta kienu fil-parametri tal-liġi u kkonferma s-sentenzi.