Il-Qorti Kriminali żiedet il-piena li ngħatat is-sena l-oħra liż-żewġ periti misjuba ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace. Pace mietet taħt it-terrapien tad-dar tagħha fil-Ħamrun, li kienet waqgħet f’Marzu tal-2020 b’riżultat ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu qed isiru f’sit maġenb ir-residenza tagħha.
Is-sena l-oħra, il-periti Roderick Camilleri mir-Rabat u Anthony Mangion mill-Gżira kienu nstabu ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ Pace b’negliġenza u li kkawżaw ħsarat f’bini tal-ġirien. Barra minn hekk Camilleri kien instab ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannat lil Camilleri 480 siegħa xogħol fil-komunità flimkien mal-ħlas ta’ €10,000 multa u lil Mangion għal 400 siegħa servizz fil-komunità u €8,000 multa. Sussegwentement l-Avukat Ġenerali kien ressaq appell għas-sentenza.
F’deċiżjoni mogħtija dalgħodu, l-Imħallef Aaron Bugeja laqa’ dak l-appell u mmodifika l-piena mogħtija lil Camilleri, revoka l-multa ta’ €10,000 u impona sentejn ħabs, sospiżi għal sentejn minflok. L-ordni ta’ servizz fil-komunità ta’ 480 siegħa ġiet ikkonfermata fl-appell.
L-appell tal-AĠ ġie milqugħ ukoll fir-rigward tal-liberazzjoni ta’ Anthony Mangion fir-rigward tal-akkuża li kien nieqes minn sit fejn kienu qed isiru xogħlijiet perikolużi. Il-Qorti Kriminali issa sabitu ħati ta’ dak ir-reat u żiedet il-piena billi revokat il-multa ta’ €8,000 li oriġinarjament kien ġie ordnat iħallas u minflok ikkundannatu 15-il xahar ħabs, sospiżi għal sentejn.
L-ordni ta’ servizz fil-komunità ta’ 400 siegħa ta’ Mangion ġiet ikkonfermata wkoll mill-imħallef. L-Avukat Arthur Azzopardi irrappreżenta lill-periti. Għas-seduta kien preżenti wkoll l-avukat tal-familja Pace, David Bonello li flimkien mal-Avukat Joe Giglio kienu parti ċivili fil-każ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea li investigaw il-każ.
//= $special ?>