In-negozjant Christopher Gatt ta’ 50 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq taħt arrest quddiem il-maġistrat Victor Axiak illum fuq akkużi ta’ frodi, miżapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus. Gatt kien mixli li ffroda raġel li kien selleflu flus għan-negozju tiegħu bi tpattija għal sehem mill-profitt, u li misapproprja l-flus, li hu mifhum li jammontaw għal madwar €190,000.
L-avukat ta’ Gatt, Albert Zerafa, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu se jkun qed iwieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-fatt li żewġ sekwestri li l-allegata vittma ressqet fil-konfront ta’ Gatt ġew irtirati qabel ma ġie mixli, tefa’ dubju fuq it-talbiet tal-allegata vittma.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li r-raġel kellu konnessjonijiet qawwija barra minn Malta, b’mod partikolari fis-Serbja, iżda Zerafa irribatta li kieku l-libertà proviżorja kellha tiġi rrifjutata għal din ir-raġuni, ikun ifisser li Gatt qatt ma jkun eliġibbli għal pleġġ, peress li l-fatt li kellu konnessjonijiet barra kienet realtà li ma tinbidilx.
Wara li semgħet il-fatti tal-każ u s-sottomissjonijiet fuq pleġġ, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Gatt kontra depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. L-Ispettur Wayne Rodney Borg mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Yvette Borg Cardona rrappreżentat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-proċess.
//= $special ?>