Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Onkoloġija jinsab ottimist li sal-ġimgħa d-dieħla waħda mit-tliet magni tar-radjoterapija li waqfu jaħdmu fl-aħħar jiem tkun qed tiffunzjona.
F’kummenti li ta lil Net News, il-konsulent Nicholas Refalo qal li sar xogħol ta’ tiswija fuq magna waħda li issa trid tiġi kkalibrata, u beda x-xogħol fuq it-tieni magna tar-radjoterapija.
Refalo qal li jekk ikun hemm magna waħda li tkun qed taħdem sew, is-sitwazzjoni kritika tkun naqset ħafna, u tonqos ukoll il-ħtieġa li persuni li għandhom bżonn din it-terapija jintbagħtu barra għall-kura.
Refalo qed jittama li ħlief għal xi każ wieħed jew tnejn, ma jkunx hemm bżonn li aktar pazjenti jmorru barra minn Malta għall-kura.
Fl-aħħar jiem, kif żvela s-sit NetNews.com.mt, it-tliet magni kienu waqfu jaħdmu minħabba ħsara fis-sistema li tkessaħhom.
Ma’ dan l-istazzjon, iċ-chairperson tal-Onkologija spjega li dawn huma magni temperamentali u sensittivi immens, u mhux l-ewwel darba li jkun hemm magna waħda jew anke tnejn li ma jkunux qed jaħdmu. Iżda t-trattamenti jibqgħu jingħataw b’mod regolari.
Bħalissa hemm 12-il pazjent li siefru lejn Ruma biex jieħdu t-trattament tar-radioterapija li ma setgħux jibqgħu jirċievu Malta biex fil-jiem li ġejjin se jsiefru 8 persuni oħra.
Refalo qalilna li l-maġġoranza ta’ dawk li kellhom bżonn jirċievu l-kura barra aċċettaw li jmorru.
Bejn 60 u 80 pazjent jirrikorru għat-trattament tar-radjoterapija kuljum f’dan id-dipartiment u t-trattamenti jistgħu ivarjaw minn bżonn għal doża waħda ….għal-kors ta’ seba’ ġimgħat.
//= $special ?>