Sport Sport Ieħor

Bidu pożittiv għall-atleti Maltin fil-Logħob tal-Commonwealth

L-atleti Maltin kellhom bidu pożittiv fil-Logħob tal-Commonwealth li qed isiru f’Birmingham fl-Ingilterra. Lijana Sultana avvanzat għal mal-aħħar 32 fl-isquash tan-nisa meta għelbet lill-atleta mit-Trinindad and Tobago Charlotte Knaggs 3-2. Għal Sultana din hija l-ewwel esperjenza tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth. Fir-round li jmiss, Lijana Sultana se tkun qed tilgħab kontra l-Kanadiża Hollie Naughton.

Fl-istess dixxiplina sportiva, Colette Sultana wkoll għamlitha għall-fażi li jmiss fejn se tkun qed tilgħab kontra l-Awstraljana Jess Turnbull.

Niall Engerer għeleb lill-Malti l-ieħor Kijan Sultana 3-1 fi dwell bejn żewġ atleti Maltin fl-isquash tal-irġiel.

Fit-triathlon tal-irġiel, Keith Galea kkometa fl-isprint race fejn għamel għawma ta’ 750 metru f’10 minuti u 37 sekonda qabel ma’ qadef 20km fi 30 minuta u 19-il sekonda. Hu temm b’ġirja ta’ ħames kilometri fejn għamilha fi ftit iktar minn 19-il minuta. Galea temm fil-31 post minn 44 triatleta.

Fil-kompetizzjoni tal-Lawn Bowls, l-atleti Peter John Ellul, Troy Lorimer u Shaun Parnis sofrew telfa ta’ 28-6 kontra l-Iskozja filwaqt li rkupraw minn din it-telfa b’rebħa ta’ 22-12 fuq New Zealand.