Numru ta’ pajjiżi qed isegwu s-sitwazzjoni ta’ rokit taċ-Ċina li kien qed jirritorna lura fid-dinja fi proċess li ħadd ma kellu l-kontroll fuqu.
Il-proċess tal-hekk-imsejjaħ ‘re-entry’ tar-rokit kompla jqajjem id-dubji dwar kif il-pajjiżi partikulari jieħdu responsabbiltà għall-fdalijiet tar-rokits u l-vetturi spazjali skaduti ladarba jispiċċaw il-missjonijiet
U waqt li hi minima ħafna l-probabbiltà li l-partijiet tar-rokit taċ-Ċina jinżlu direttament fuq il-popolazzjoni ta’ xi pajjiż, din il-possibbiltà, fl-aħħar sigħat, ma kenitx eskluża għal kollox.
Dan fost l-ispekulazzjoni li d-debri tar-rokit kapaċi jinżel anki fuq reġjun speċifiku tal-Mediterran li jinkludi lil Malta.
L-aġenzija tal-ispazju NASA tal-Istati Uniti kienet sejħet biex l-aġenzija tal-ispazju taċ-Ċina tiddesinja r-rokits b’mod li dawn jiddisintegraw f’partijiet ferm iżgħar waqt l-nżul lura fid-dinja – u li hi l-proċedura normali fuq livell internazzjonali.
Iżda l-aħħar rokits li telqu lejn l-istazzjon tal-ispazju taċ-Ċina (li l-ħidma fuqu għadha mhix konkluża) kollha kienu neqsin mill-kapaċità għal inżul lura fid-dinja, taħt sistema ta’ kontroll aċċettabbli.
L-aħħar tlugħ ta’ rokit taċ-Ċina seħħ nhar il-Ħadd meta rokit bl-isem Long March 5 beda missjoni biex iwassal module ta’ laboratorju lejn l-istazzjon spazjali ta’ Tiangong. Sadanittant, il-Gvern Ċiniż kien qal, f’nofs il-ġimgħa, li r-re-entry tar-rokit ftit kellu jimponi perikolu għan-nies mal-art minħabba l-probabbiltà kbira li d-debri jinżel direttament fil-baħar.
Iżda fl-aħħar sigħat, aktar esperti rrifjutaw li jiċħdu l-possibbiltà li xi partijiet tar-rokit jinżlu dritt għal fuq zona ‘bi preżenza tan-nies’ – l-istess bħalma seħħ fl-2020, meta l-proprjetà fil-Kosta tal-Ivorju kienet intlaqtet mix-xita ta’ debri minn rokit skadut.
Ir-rokit taċ-Ċina issa spiċċa ridott għal sempliċi qafas ta’ vettura spazjali u għadu qed idur fl-orbita tad-dinja waqt li nieżel dejjem aktar ‘l isfel fi proċess ta’ inżul mingħajr kontroll.
Dan waqt li skont l-Aerospace Corporation – organizzazzjoni li hi bażata fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja – ir-‘re-entry’ tar-rokit taċ-Ċina lura fid-dinja qed ikun ikkalkulat għas-sigħat bikrin tal-Ħadd.
Intant, hu impossibbli għall-aġenziji spazjali biex jikkalkulaw il-post eżatt fejn għandu jibżel id-debri tar-rokit – bil-pronostiku jvarja mill-Mediterran sal-Istati Uniti, l-Afrika, l-Awstralja, il-Brażil, l-Indja u x-Xlokk tal-Asja.
//= $special ?>

