Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li talanqas 40 priġunier tal-gwerra Ukreni tilfu ħajjjithom wara li l-Armata tal-Ukrajna bumbardjat kumpless tal-ħabs fl-inħawi ta’ Donetsk; ir-repubblika kontrollata mis-separatisti ( favur ir-Rissja) fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.
Numru ta’ uffiċjali allegaw ukoll li qrib il-100 persuna ndarbu waqt attakk bir-rokits fuq il-kumpless li jinsab f’Olenivka, iżda s-sorsi indipendenti ma setgħux jivverifikaw jekk dan kienx minnu.
Fl-istess ħin, kelliema għall-Armata Ukrena ċaħdu kull sehem fil-bumbardament waqt li akkużaw lir-Russja bl-attakk fuq il-kumpless tal-ħabs ‘li kien intiż biex juri lill-Ukrajna f’dawl ikrah’.
Hija wkoll sinifikanti l-akkuża li r-Russi riedu jeqirdu l-kumpless tal-ħabs biex jaħbu s-sinjali tat-tortura li l-priġunieri Ukreni kienu spiċċaw suġġetti għaliha fl-aħħar ġimgħat u liema aġir jammonta għal reat tal-gwerra.
Ir-Russja hi magħrufa dwar il-mod kif qed tmexxi l-propaganda qarrieqa fost iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni żbaljata – dejjem bil-ħsieb li titfa’ il-ħtija għall-atroċitajiet tal-gwerra fuq l-Ukreni. Dan meta ma waqfux il-bumbardamenti tal-militar Russu fuq l-ibliet ippakkjati biċ-ċivili u fuq l-infrastruttura li tintuża għall-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Ukren.
Sadanittant, Daniil Bezsonov, kelliem għall-hekk-imsejħa Repubblika (separatista) tal-Poplu ta’ Donetsk li hi rikonoxxuta biss mir-Russja, qal li l-Ukreni użaw tip ta’ missili speċjali fuq il-kumpless tal-ħabs ta’ Olenivka u li ‘il quddiem kapaċi jiżdiedu l-mejtin wara li rokit, allegatament, niżel direttament fuq barracks mimli bil-priġunieri.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-attakk twettaq mill-artillerija tat-tip Himars, ta’ manifattura Amerikana, u li twasslet xi jiem ilu lill-Ukreni.
Iżda l-Gvern Ukren qed jinsisti li l-allegazzjonijiet tar-Russi jirriflettu ‘impenn ċiniku klassiku ta’ Moska biex tinforma ħażin lin-nies waqt li tiddiskredita lill-awtoritajiet tal-Ukrajna’.
It-Tmexxija Ukrena mgħandhiex dubju li l-attakk ibbaża ‘fuq il-ħsieb speċifiku u kalkulat tar-Russi’ biex joqtlu kemm jistgħu tal-priġunieri Ukreni. Fl-istess ħin, l-Uffiċjali fi Kiev talbu biex in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra jwieġbu malajr għal din l-atroċità u jiftħu investigazzjoni serja.
//= $special ?>

