Is-Siġġiewi u l-ambjent rurali tiegħu jeħtieġ li jkunu mħarsa dejjem u f’kull waqt.
Dan kien il-messaġġ ewlenin tas-Siġġiwin hekk kif il-Kunsill Lokali permezz ta’ konferenza tal-aħbarjiet saħaq li qiegħed isir xogħol illegali fiz-zona ta’ Triq Burġabrun fi Triq l-Imqabba. Zona li tinsab eżatt biswit il-Limestone Heritage wirt mhux biss nazzjonali, imma dinji.
Net News ħa l-kumment tal-Minority Leader Nazzjonalista Julian Borg illi spjegalna f’aktar dettall il-posizzjoni tal-Kunsill u l-ħidma tiegħu u tal-Kunsilliera eletti f’isem il-PN, Francine Farrugia u Gillian Farrugia Pace.
“Aħna s-Siġġiewi għandna waħda mill-akbar zoni rurali, u dik għalkemm hija xi ħaġa sabiħa, ifisser li għandna ammont kbir ta’ sfidi. Waħda mill-akbar sfida hija din. Xogħol abbużiv, materjal li ħoloq muntanja, scrapyard li qed tkompli żżid mal-problemi tal-lokal. Aktar minn hekk ġiet mitfuha applikazzjoni biex din il-muntanja ta’ materjal tkun issanzjonata. Dan mhux aċċetabbli.
Se nibqgħu naħdmu biex inħarsu lis-Siġġiewi”

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-ERA biex iżuru ż-żona u jistabilixxu jekk dan ix-xogħol hux wieħed illegali jew le.
L-ilmenti dwar dan ix-xogħol ilhom għaddejjin bejn 3 u 4 xhur u wara dawn ix-xhur kollha, il-Kunsill ħass li kellu jitlob azzjoni aktar konkreta biex jekk hemm illegalità, din titwaqqaf.
Il-Kunsill qed jitlob li l-operatur jippreżenta Environmental Impact Assessment, filwaqt li ssemmiet il-problema tal- munzelli ta’ materjal li qed jaqbżu t-tliet metri.
Ġie sostnut li l-barriera għandha timtela’ bi skart tal-kostruzzjoni u mhux bi skart ieħor li jħalli impatt kbir fuq l-ambjent tas-Siġġiewi. Intant, mistoqsi minn Net News, il-Kunsill Lokali qal li mhux jeskludi li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi jieħu passi ulterjuri.
