Flimkien irridu nkunu l-vuċi ta’ kull vittma.
Dan kien il-messaġġ komuni li twassal f’konferenza li ttellgħat fil-jum dinji kontra t-traffikar tal-bnedmin, fejn fost l-oħrajn ġie diskuss kif illum il-ġurnata xorta waħda għadna qed nesperjenzaw it-traffikar tal-persuni anki f’pajjiżna.
Illum dan il-proċess ħafna drabi jibda minn affarjiet li jkunu jidhru leġittimi online, u li ftit wara jinbidlu f’abbuż.
Ħadna l-kummenti ta’ Graziella Castillo d-Direttur tal-Aġenzija Appoġġ illi spjegatilna kif wieħed ħafna drabi jaqa’ fil-lixka u jispiċċa vittma tat-traffikar.
“Sa ftit taż-żmien ilu konna naħsbu li traffikar huwa biss bil-baħar jew bl-ajru, illum din l-affari nbiddlet”
Sa Lulju ta’ din is-sena, f’pajjiżna diġà lħaqna n-nofs l-ammont ta’ rapporti ta’ traffikar ta’ persuni li kellna s-sena li għaddiet.
“Is-sena l-oħra kellna 18-il każ, dis-sena diġà 9, kellna każijiet aktar 55 każ, imma purament traffikar, sa issa, mis-sena l-oħra ‘l hawn kellna 27”
Saqsejniha wkoll jekk il-gwerra fl-Ukrajna ħallietx impatt fuq din ir-realtà.
“Fil-preżent le, kellna talbiet mingħand qrabha, imma każijiet għall-attenzjoni tagħna ma kellniex”
Mill-konferenza ħareġ biċ-ċar kif bħala pajjiż jeħtieġ li nkunu pro-attivi u nagħrfu l-isfidi li dawk traffikati qed jaffaċjaw, u kif ukoll issir ħidma aktar sfieqa biex jitwaqqaf dan it-traffikar.
Intqal ukoll li apparti li jiżdied l-għarfien ta’ dak li hemm madwarna jeħtieġ li tingħata wkoll aktar għajnuna lis-social workers u lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan is-settur, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aqwa assistenza lill-vittmi.
//= $special ?>