Lokali

Kolombjan iweġġa’ gravi wara li ttajjar minn fuq e-scooter f’hit and run

Kolombjan weġġa’ gravi wara li ntlaqat minn karozza waqt li kien riekeb fuq e-scooter. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta ta’ filgħodu fi Triq Dun Karm, l-Imsida.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħ inċident bejn e-kick scooter, li fuqha kien hemm Kolombjan ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar, u vettura, li telqet minn fuq il-post tal-inċident.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard, ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.