“L-Għassa tal-Imsida mhix post adegwat fejn l-uffiċjali tal-Pulizija jaħdmu fih.”
Hekk sostniet il-Malta Police Union wara li ssoktat bl-appelli tagħha li l-uffiċjali tal-Pulizija jeħtieġu kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol tagħhom, wara li ftit tal-jiem ilu diġà rajna is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-għases tal-Belt u anki dik ta’ San Ġiljan.
F’ritratti u filmati li ġew iċċirkulati lill-media…. wieħed jista’ jifhem l-istat prekarju li tinsab fiha l-għassa tal-Imsida, bil-Union spjegat li l-Għassa tal-Pulizija tinsab fi stat diżastruż fejn anki tkissret il-motivazzjoni tal-uffiċjali li jagħmlu 12-il siegħa xift.
L-MPU spjegat li l-għassa tal-Imsida mhux biss mhux adegwata għall-uffiċjali, iżda ċertament mhux post seren li jista’ jilqa’ lill-vittmi ta’ xi reat.
Fl-aħħar jiem l-MPU kienet stqarret li għaddew sentejn mill-5 snin tal-famuża strateġija li kellha titrasforma lill-Korp. U s’issa l-union mhi qed tara ebda tibdil konkret u sodisfaċenti – ebda progress għall-aħjar, bl-uffiċjali tad-distrett jibqgħu demotivati għall-aħħar.
Apparti l-problemi infrastrutturali, l-istess union tal-Pulizija ilha żmien twil tilmenta dwar in-nuqqas ta’ riżorsi u l-bżonn li jkun hemm aktar djalogu bejn it-tmexxija tal-Korp u l-uffiċjali nfushom.
//= $special ?>