Lokali

“Ma stajtx nibqa’ sieket u nħalli kollox għaddej” – is-Surmast Mario Mallia

“L-ittra tat-tkeċċija tiegħi tiffoka fuq żewġ affarijiet partikolari, waħda minnhom kienet li jien użuprajt il-proprjetà tad-Dumnikani… il-fatt li l-iskola ntużat mill-Kummissjoni Elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet. It-tieni punt kien il-fatt li jien ma urejtx rispett biżżejjed lejn l-awtorità. Dawn huma ż-żewġ raġunijiet li ntużaw fil-konfront tiegħi li nħoss li huma kompletament inġusti.”

Ftit tal-jiem ilu sar magħruf li s-Surmast tal-Kulleġġ St Albert tkeċċa mill-kariga tiegħu… kariga li kienu ilu jokkupa għal iktar minn 16-il sena. F’intervista li Mario Mallia kellu ma’ Net News huwa jgħid li l-problemi bdew jikbru minn sentejn ilu ‘l hawn.

“Il-bord tat-tmexxija, minn meta nħatar ir-Rettur il-ġdid qisu daqs sentejn ilu, ħaseb li kellu jwaqqaf bord tat-tmexxija, bid-diffikultà tkun li dan twaqqaf mingħajr ma kien hemm rappreżentanza tal-komunità tal-kulleġġ, li ċ-Chairman kien ir-rettur tal-bord innifsu u li sal-lum ir-rwoli għadhom mhux definiti.”  

Huwa tefa’ dawl fuq il-komunikazzjoni bejnu u bejn ir-rettur tal-iskola.

“Kien hemm numru ta’ tentattivi min-naħa tiegħi u min-naħa tal-Kulleġġ li niddiskutu mal-Provinċjal u mal-Bord li b’xorti ħażina u b’dieqa ngħid li dawn it-talbiet ma waslux. Stennejna li jkun hemm iktar djalogu, b’dan il-pass li ttieħed għalaqna l-bibien u mhux ftaħnihom.”

Mario Mallia jispjega x’wassal biex ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat.

“Kellek kulleġġ li l-klima tiegħu kienet klima li taħdem fuq livell demokratiku għal sitwazzjoni oħra fejn kien qed jiġi propost ‘a top down approach’. U hemmhekk fejn naħseb kien hemm l-ikbar diffikultà.”  

Jistqarr li kien hemm sitwazzjonijiet partikolari fejn kien qed iħossu li ma setax jieħu l-aħjar deċiżjojinijiet għall-istudenti. 

Issa rrid insaqsi l-permess biex nieħu n-nifs daqsxejn oħra? Ma tagħmilx sens… għalhekk qed ngħid dat-‘top down approach’ ma jaqbilx mal-mudell li konna qed nipprovaw nibnu tul 16-il sena ta’ ħidma li trawwen das-sens demokratiku. U hemmhekk fejn kien hemm diffikultà.”

Mistoqsi jekk jaqbilx li l-Arċisqof Charles Scicluna jkun il-medjatur bejn iż-żewġ naħat, Mario Mallia qal li m’għandu ebda oġġezzjoni li dan isir.

M’għandi l-ebda problema u jiena min-naħa tiegħi nibqa’ miftuħ u dispost għad-diskussjoni u għad-djalogu.

L-Erbgħa li għadda bosta għalliema, studenti u ġenituri nġabru quddiem il-kulleġġ St Albert fi protesta kontra t-tkeċċija ta’ Mario Malli… liema protesta kellha l-appoġġ tal-Union tal-Għalliema.

Li ninkwieta mhux li ġejt imkeċċi imma li l-proġett li bnejna flimkien, li għamel differenza fil-ħajja tat-tfal u l-ġenituri tagħhom u anke fis-soċjetà… dak jieqaf.. jien dak l-inkwiet tiegħi… u rridu nsibu mezzi kif dan il-proġett jibqa’ għaddej għall-ġid tat-tfal, bijja jew mingħajri.”

Net News talab ukoll sabiex jintervista lir-Rettur tal-Kulleġġ St Albert, lil Patri Aaron Zahra, li min-naħa tiegħu rrifjuta li ssirlu intervista, filwaqt li saħaq hu flimkien mal-Bord se jkunu qed joħorġu stqarrija fil-jiem li ġejjin.