Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 59 sena residenti Ħal Qormi jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza f’Ħal Qormi stess. L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja fi Triq il-Wied.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel intlaqat minn Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 41 sena residenti Birkirkara.

Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.