Internazzjonali

Stati Uniti: L-għargħar ħoloq sitwazzjoni ta’ emerġenza f’Kentucky

Komplew jiżdiedu l-imwiet fil-lvant ta’ Kentucky wara li l-inħawi ntlaqtu minn sensiela ta’ għargħar għall-għarrieda  li huma magħrufin bħala ‘flash floods’. 

L-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Amerikan sostnew li fl-għargħar mietu bejn għaxra u għoxrin u li s-sitwazzjoni tal-aħħar jiem setgħet ħalliet ħafna aktar vittmi milli qed jaħsbu.

Dan meta nqerdu wkoll il-mijiet tad-djar fid-diżastru, bil-Gvernatur ta’ Kentucky, Andy Beshear, jiddikjara sitwazzjoni ta’ emerġenza effettiv għall-Istat kollu.

Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll il-potenzjal ta’ għargħar ġdid fir-reġjun ta’ Appalachian, li fost oħrajn jinkludi l-Istat ta’ West Virginia u r-reġjun ta’ Southwest Virginia.