Lokali

16-il jum wara s-sejba, il-katavru ta’ Birżebbuġa jibqa’ mhux identifikat

16-il jum wara s-sejba tal-katavru ta’ raġel f’Birżebbuġa, l-identità tiegħu tibqa’ mhux magħrufa.

Il-katavru kien instab nhar il-Ħamis 14 ta’ Lulju wara li persuna infurmat lill-Pulizija li fis-sit qrib Għar Dalam kien hemm ġisem mejjet.

L-irkupru tal-katavru mill-post involviet operazzjoni delikata minħabba l-istat qawwi ta’ dekompożizzjoni li nstab fih.

Filfatt, mas-sejba, il-katavru ma setax jiġi identifikat, u l-unika konferma li ngħatat fis-sigħat immedjati ta’ wara s-sejba kienet li l-vittma kien raġel.

Lanqas l-awtospja li saritlu fis-sigħat sussegwenti ma serviet biex tidentifikah, biex kien fadal biss ir-riżultati tat-testijiet tad-DNA li setgħu iwasslu biex il-vittma jiġi identifikat.

Iżda minkejja li għaddew aktar minn ġimgħatejn sa issa għadu ma wasal l-ebda riżultat ta’ dawn it-testijiet forensiċi.

Kif jaslu dawn ir-riżultati, l-ewwel ma jmorru huma għand il-maġistrat inkwerenti, Gabriella Vella, li fetħet inkjesta dwar is-sejba tal-katavru.

Dawn imbagħaed jiġu mgħoddija għand il-Pulizija li minn naħa tagħhom joħorġu stqarrija bl-identità.

Is-sejba tal-katavru tar-raġel mhux identifikat seħħet ftit ġimgħat wara l-għibien ta’ żewġ anzjani rġiel.

Fit-3.00am tat-28 ta’ Ġunju, Karmenu Fino, ħareġ mir-residenza San Vinċenz de Paul u ma reġax daħal lura. Fino għandu 83 sena u jbati mid-dementia.

Jumejn wara l-għibien ta’ Fino, l-Pulizija rrappurtaw l-għibien ta’ raġel ieħor, Salvu Bonnici.

Dan l-anzjan għandu 70 sena u jgħix il-Gudja, u issa ilu nieqes xahar.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li t-tfittxija għal dawn iż-żewġt irġiel tibqa’ għaddejja filwaqt li qal li minbarra dawn l-irġiel hemm numru kbir ta’ persuni oħra li kienu rrappurtati nieqsa u qatt ma nstabu, għalkemm in-numru eżatt ma setax ikun ikkonfermat.