Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-armata Russa tkompli titlef in-nies

epa10096191 Ukrainian servicemen operate with American-made 155mm M777 towed howitzer on their positions in the Kharkiv area, Ukraine, 28 July 2022. Russian troops on 24 February entered Ukrainian territory, starting a conflict that has provoked destruction and a humanitarian crisis. EPA-EFE/SERGEY KOZLOV

“Fl-aħħar siegħat l-armata Ukrena farket lill-armata Russa, u dan huwa biss il-bidu”

Hekk stqarr il-mexxej tal-Kunsill reġjonali ta’ Kherson Yuri Sobolevsky, hekk kif l-armata Ukrena stqarret li waqt kontra-offensiva ġdida mill-armata Ukrena, l-armata Russa spiċċat tilfet mijiet ta’ suldati.

Rapporti mill-armata Ukrena saħansitra qiegħdin jgħidu li waqt din l-offensiva f’Kherson, minbarra in-numru sostanzjali ta’ mwiet, l-armata Russa tilfet ukoll żewġ ċentri tal-munizzjoni, li kienu essenzjali sabiex l-armata Russa tkompli l-avvanzi tagħha fir-reġjun.

Madankollu dikjarazzjonijiet mill-armata Ukrena qiegħdin juru li l-akbar kisba għall-armata Ukrena, mhiex ir-rebħa militari jew il-qtil tas-suldati Russi, iżda l-vantaġġ strateġiku li kisbet minn din ir-rebħa, hekk kif issa diversi forzi Russi jinsabu eżiljati fil-Punent tal-Ukrajna mingħajr aċċess għal riżorsi umani u militari.

Dan filwaqt li t-truppi Russi qed javvanzaw fir-reġjun ta’ Donetsk bil-belt ta’ Soledar tispiċċa taħt il-mira ta’ moska…

Intant diversi sorsi Russi qiegħdin jgħidu li l-President tar-Russja Vladimir Putin u l-‘High Command’ tiegħu qiegħdin jippreparaw sabiex jaħarbu mir-Russja lejn is-Syria.

Dan hekk kif jidher li l-mexxej tas-Syria, Bashar al-Assad lest li joffri eżilju lill-Putin talli lura fl-2015, Putin għen lill-Assad jirbaħ il-gwerra ċivili li qamet f’pajjiżu stess.

Diversi esperti stqarru li l-fatt li Putin se jaħrab mir-Russja hija azzjoni loġika, hekk kif falliment militari mir-Russja tkun it-tmiem tal-karriera politika tiegħu fi ħdan il-Gvern Russu. Apparti minn hekk, jkun hemm ċans kbir li l-mexxej ġdid tar-Russja saħansitra jċedi lil-Putin f’idejn il-forzi tal-Punent sabiex jitwaqqfu s-sanzjonijiet fuq ir-Russja.