“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen u hu kommess favur il-pluraliżmu edukattiv, fl-opportunitajiet għall-edukazzjoni f’Malta minn istituzzjonijiet privati, għall-Maltin u għall-barranin”.
Hekk stqarr il-Kelliem għall-Edukazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, Justin Schembri, fejn kompla biex jistqarr li huwa minħabba f’hekk, li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien kontra s-suċċess edukattiv li tista’ tikseb kull Istituzzjoni li tinvesti f’Malta.
Schembi kompla biex jgħid li dan iżda ma għandu qatt ifixkel lin-numru sostanzjali ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn li ilhom u għadhom jinvestu f’Malta biex iġibu dejjem aktar studenti għal tul ta’ żmien f’pajjiżna mingħajr l-ebda għajnuna finanzjarja jew xorta oħra mill-Gvern. Justin Schembri stqarr ukoll li jidher b’mod ċar li l-Gvern għandu interessi “ulterjuri” u “sigrieti” biex l-AUM tkun ivvantaġġjata u elevata a skapitu ta’ kull istituzzjoni edukattiva privata oħra u anke fuq l-Università ta’ Malta.
Justin Schembri kompla jispjega li għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb kif, għal sena wara oħra, l-AUM baqgħet qatt ma attirat biżżejjed studenti u minkejja dan, il-Gvern qed jibqa’ kommess li jagħti dejjem aktar għajnuna, anke jekk kontra r-rieda nazzjonali, lil din l-istituzzjoni li kienet qrib wisq l-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li spiċċa tappan isem pajjiżna meta ngħata t-titlu tal-aktar persuna korrotta fid-dinja.
Schembri stqarr li għaldaqstant, l-aħbar li l-AUM se tkun qed toffri korsijiet bla ħlas lill-Maltin, filwaqt li hi inizjattiva pożittiva minnha nfisha, tqanqal diversi mistoqsijiet, partikolarment dwar il-finanzjament dwar l-“intakes” u r-raġuni vera wara deċiżjoni bħal din u jekk din hix direttament marbuta mat-tiġdid tal-liċenzja biex tibqa’ topera minn Settembru li ġej.
Schembri kompla jgħid li għall-Partit Nazzjonalista, l-AUM mhux qed tgawdi biżżejjed reputazzjoni internazzjonali ta’ livell, minkejja wisq wegħdiet, tant li naqset milli tilħaq aktar minn 200 student f’seba’ snin minn mindu ngħatat il-liċenzja bi pressjoni minn Kastilja wara li kien appuntat wieħed minn ta’ ġewwa fuq il-Bord tad-Diretturi.
Justin Schembri iddikjara li għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jesiġi għal aktar trasparenza dwar kull ftehim li jsir mal-AUM, li llum hu evidenti li hi tal-qalba sew fil-Gvern ta’ Robert Abela.
//= $special ?>